Friday, May 3, 2024

“Issa l-mument li naħdmu aktar biex nikkonvinċu”

- Il-messaġġ tal-PM Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nemmen li jeħtieġ li naħdmu iżjed. Issa wasal iż-żmien l-mument li naħdmu aktar biex nikkonvinċu. Lil min qed jgħid li l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju mhuma se jibdlu xejn, tħalluhx idaħħalkom f’dik in-narrattiva. Dawn l-elezzjonijiet se jiffurmaw il-futur tal-lokalitajiet tagħna. Se jiffurmaw il-futur tal-Ewropa. Se jiffurmaw il-futur ta’ pajjiżna.”

Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela meta lbieraħ kien qed jindirizza folla sabiħa ta’ nies miġbura quddiem iċ-Ċentru Laburista tar-Rabat, Malta, fejn irrimarka li fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej, għandu jintbagħat messaġġ b’saħħtu li dan il-pajjiż irid jibqa’ miexi ‘l quddiem fit-twettiq tal-manifest elettorali Malta Flimkien.

Huwa beda biex fisser li din kienet ġimgħa li qed jagħlquha bl-istess mod li bdewha, qalb in-nies. Dan hu li jfisser meta inti tkun Gvern tan-nies. Gvern li qalbek qiegħda man-nies. Tinżel qalb in-nies. Tisma’ ‘l perspettivi tagħhom imbagħad taħdem biex tattwa dak li huma jemmnu li għandu jkun it triq ‘il quddiem għall-pajjiż.

Irrefera għall-ftehim kollettiv li ġie ffirmat mal-FSWS li se jsarraf f’titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ madwar 1,000 ħaddiem ta’ din il-fondazzjoni, li jaħdmu mal-akbar nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Qal ukoll li l-Gvern kompla jinvesta f’aspett ieħor soċjali, dak tal-anzjani, hekk kif il-Ġimgħa li għadda ġiet inawgurata dar tal-anzjani f’Għajnsielem li ħafna kienu xettiċi dwarha. 

“Qalulna li ma twassluhiex. Lil dawk ix-xettiċi urejniehom kemm ma kellhomx raġun. Kellna għażla ta’ prinċipju dwar x’se nagħmlu. Kien hemm min qalilna li dik kienet dar f’lokalità li hi waħda mill-isbaħ f’Għawdex. Qalulna għax ma tagħmlux lukanda jew boutique hotel. Aħna għedna li rridu l-aqwa għall-anzjani tagħna. Tajna l-isbaħ faċilità lil 123 anzjan li se jkunu qegħdin jgħixu f’din id-dar. Għaliex nemmnu li l-anzjanità għandha tkun l-isbaħ żmien tal-ħajja,” tenna l-Prim Ministru. 

Huwa żied jgħid li komplew jiddjalogaw mal-komunità fosthom mad-dilettanti tal-festi. Qal li semgħu mingħandhom dwar kif il-festa Maltija għandha tibqa’ tissaħħaħ sabiex inkomplu nibnu fuq dak li diġà ċċertifikat il-UNESCO.

Il-Prim Ministru qal ukoll li ltaqgħu mal-isportivi fil-Marsa fejn mingħandhom semgħu dak li huma jemmnu li għandu jkun il-futur tal-isports f’pajjiżna. Fisser kif dawn huma laqgħat li juru kemm tassew għandna soċjetà li temmen f’komunitajiet b’saħħithom, li fit-temi li jolqtuha lesta tikkontribwixxi biex tagħmel minn pajjiżna Malta aħjar. “Nemmen li s-soċjetà tagħna hi waħda parteċipattiva, trid tifforma l-futur ta’ pajjiżna,” tenna l-Prim Ministru. “Dak hu meta tinżel qalb in-nies, imbagħad taġixxi fuq dak li jkellmuk dwaru.”

L-importanza li nibqgħu nimbuttaw ‘il quddiem il-messaġġ ta’ paċi

Il-Prim Ministru ddikjara wkoll li jemmen li pajjiżna għaddej minn miraklu ekonomiku. “Araw x’qed jiġri barra minn xtutna… tensjonijiet li sa dal-lejl stess rajniehom jeskalaw. Għalhekk l-importanza li nibqgħu nimbuttaw ‘il quddiem messaġġ ta’ paċi. Kull fejn inkunu.”

Huwa nnota kif filwaqt li pajjiżi oħrajn għaddejjin mir-riċessjoni u għandhom kontijiet ta’ fjuwils għolja bħalma għandhom kontijiet tal-enerġija għoljin, Malta għandha stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. Qal li dik l-istabbilità kienet imwiegħda, inżammet u se tkompli tinżamm.

Dr Abela żied jenfasizza li: “quddiemna għandna 9 kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li ħaqqhom l-appoġġ kollu tagħna. Grazzi tal-ħidma kbira li qed tagħmlu biex timbuttaw ‘il quddiem il-messaġġ tal-partit. Għandna wkoll kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Elezzjoniiet importanti ferm. Ejja ħa naħdmu ħalli nkunu aħna li nagħżlu x’tip ta’ lokalitajiet irridu.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport