Friday, December 13, 2024

ISSA LI GĦADDIET L-ELEZZJONI ĠENERALI

Aqra wkoll

Issa li wara Kampanja Elettorali intensiva, mimlija proposti sbieħ li se jsarrfu f’ġid, u xahar mill-Elezzjoni Ġenerali, jmiss lilna l-Membri fil-Grupp Parlamentari sabiex flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela nibdew inwettqu dan il-manifest b’1000 proposta fejjieda. Din hija l-wegħda li saret mal-poplu Malti u Għawdxi kollu u hekk ser inkunu qegħdin nagħmlu, sabiex ħadd ma’ jibqa’ lura u sabiex niggarantixxu futur sabiħ għal kulħadd. 

Kif stqarr il-Prim Ministru matul il-kampanja, din il-leġislatura se tkun ikkaratterizzata minn kultura fejn fiha se titħaddan l-umiltà u fejn ħadd mhu ser iħares minn fuq lejn in-nies. Ser nibqgħu nkunu magħkom fit-toroq tal-irħula u wkoll fi djarkom, sabiex nisimgħu l-weġgħat u t-talbiet ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Dan għandu jkun il-messaġġ li jrid jasal għand kulħadd, fejn il-Prim Ministru flimkien mat-tim tiegħu se jkun qed iżomm il-wegħda tiegħu u jimplimenta l-manifest elettorali li kien propost matul il-Kampanja Elettorali. Manifest li fih jiġbor elf proposta u li saru b’reqqa sabiex jolqtu s-setturi kollha tas-soċjetà, wisq iktar lil min għandu l-aktar bżonn, lil min tul is-snin bata minn xi inġustizzja jew minn sfortuna li toffri l-ħajja. Dawn in-nies ser jingħataw opportunitajiet li ser jipprovdilhom Gvern Laburista, sabiex huma wkoll iħossuhom li huma persuni utli ġewwa pajjiżhom. 

Bl-implimentazzjoni tal-proposti se nkunu qegħdin ngħollu l-livell tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. It-tifsil ta’ dawn il-proposti imur oltre mill-interess personali tal-individwu, għaliex hemm diversi proposti oħrajn li huma ambjentali kif ukoll proposti nazzjonali li minnhom xorta waħda se jkun qed jigwadanja kulħadd. It-tifsil ta’dan il-manifest ħaseb li jkun hawn ġid komuni li jasal għand kull min jgħix ġewwa pajjiżna. Ta’ dan għandna għalfejn inkunu kburin u għandna għaliex inħossuna iffortunati li ngħixu f’pajjiż fejn minkejja l-problemi li qed taffaċja d-dinja f’dan il-mument, xorta sibna min hu kapaċi jindirizza dawn l-isfidi u jassigura livell ta’ ħajja diċenti. Apparti minn hekk il-Prim Ministru kien kapaċi jfassal pjan għal ħames snin li ġejjin b’garanzija ta’ futur sabiħ għal kulħadd, li ser iwassal lill-familja Maltija fuq livell t’eċċellenza. 

Ħbieb għaldaqstant, ilkoll flimkien wassalna lil dan il-Partit sabiex ikollu f’idejh it-tmun ta’ pajjżna għaż-żmien li ġej, żmien li fih se naraw li aħna lkoll aħwa Maltin mingħajr distinzjoni. Jien minn naħa tiegħi nista ngħid li dejjem wassalt messaġġ wieħed, dak li ntejjeb il-ħajja tan-nies, u hekk ser nkun qed nagħmel. In-nies għoġobhom jagħtuni l-fiduċja tagħhom sabiex inkun vuċi għalihom, sabiex flimkien ma’ sħabi nkunu qegħdin niggarantixxu lil famiji kollha Maltin u Għawdxin livell ta’ ħajja aħjar u garanzija ta’ futur sabiħ. 

Ekonomija

Sport