Wednesday, April 24, 2024

“It-tbatija u l-uġigħ bidlu lil Jake minn tifel ta’ seba’ snin għal eżempju għalina lkoll”

Tingħata l-aħħar tislima liċ-ċkejken Jake

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Jake kien tifel li, minkejja li kien għad kellu biss seba’ snin, laħaq livell ta’ maturità li ħafna ma jirnexxielhomx jilħqu.

Hekk iddeskrivieh il-qassis hekk kif illum ingħatatlu l-aħħar tislima. 

Il-qassis qal li Jake ma kienx għadu tifel ta’ seba’ snin iżda t-tbatija kienet bidlitu fi bniedem adult. Qal iżda li dan ma seħħx sempliċement għax kiber fl-età, iżda għax kien matur ħafna. 

Irrikonoxxa kif din il-maturità kienet tidher f’Jake hekk kif minkejja t-tbatija kollha li kien għaddej minnha, kien kontinwament jaħseb f’ħaddiehor. 

“Xi nies għandhom 90 sena u ma jirnexxilhomx jilħqu l-livell ta’ maturità tiegħu. It-tbatija għamlitu raġel. It-tbatija u l-uġigħ bidlu lil Jake minn tifel ta’ 7 snin għal eżempju għalina lkoll,” qal il-qassis.

Iċ-ċkejken tilef ħajtu jumejn ilu wara li kien ilu tliet snin jissielet mal-mard. Għal dawn l-aħħar xhur huwa kien jinsab rikoverat ġewwa Rainbow Ward u kien se jagħlaq tminn snin f’Jannar li ġej.

Fost dawk li selmulu fl-aħħar jiem, Puttinu Cares qalet li Jake għallimhom kif tkun umli, kif ma tieqafx tiġġieled quddiem tbatija kbira, kif tqum kull filgħodu ħerqan biex tgħix u kif tqassam dak kollu li għandek għax f’hekk issib il-ferħ. Huma fakkru kif Jake kien iħobb il-Milied u l-ferħ u li bl-iSweet Shop f’dan iż-żmien kien iqum kull filgħodu anke jekk ma jiflaħx biex iqassam il-ħelu lil kulħadd.

Sport