Saturday, April 20, 2024

It-temp mistenni jkun pjuttost imsaħħab u mingħajr xita nhar il-Milied

It-temperaturi matul il-jiem li ġejjin se jvarjaw bejn 19°C u 14°C

Aqra wkoll

L-isbaħ żmien tas-sena mistenni jġib miegħu temp sabiħ u bnazzi. Kemm il-Maltin kif ukoll it-turisti se jkunu jistgħu jgawdu l-atmosfera brijjuża tal-Milied madwar il-gżejjer Maltin mingħajr il-biża’ li temp ikrah se jħassrilhom il-festi, ladarba mhijiex mistennija xita minkejja l-ftit sħab li se jidhru fis-sema matul il-jiem li ġejjin.

Temp stabbli huwa mbassar minn lejliet il-Milied sal-għada tal-Milied, hekk kif firxa ta’ pressjoni għolja mistennija tippersisti fuq il-Mediterran. L-24 ta’ Diċembru se jagħti bidu għal tmiem il-ġimgħa b’temp il-biċċa l-kbira msaħħab u riħ ta’ forza 2 sa 3 li jonfoħ mix-Xlokk u jsir min-Nofsinhar sa tmiem il-ġurnata.

Filwaqt li it-temp se jibqa’ ftit imsaħħab matul il-25 ta’ Diċembru qabel ma jiċċara u jsir sabiħ sal-għada, ir-riħ se jitqawwa madwar il-gżejjer fl-għodwa tal-Milied, hekk kif riħ min-Nofsinhar il-Lbiċ mistenni jilħaq forza 4 sa 5 matul il-ġurnata. L-għada tal-Milied, ir-riħ se jbatti b’mod gradwali għal forza 4.

L-ogħla temperatura matul il-jiem li ġejjin mistennija tkun ta’ 19°C, li se tintlaħaq fis-26 ta’ Diċembru, filwaqt li t-temperaturi mhumiex mistennija li jaqbżu 17°C u 18°C lejliet il-Milied u nhar il-Milied, rispettivament. B’temperatura minima ta’ 14°C, għada mistenni jkun l-iktar jum frisk, filwaqt li nhar is-Sibt u l-Ħadd it-temperaturi m’għandhomx jinżlu iktar minn 15°C.

Sport