…’Kont ngħix għas-sajf imma llum nippreferi x-xitwa”
…stennija għal mewġa oħra ta’ sħana
Minn Victor Vella
Ħajtu kollha tista’ tgħid iħaffer it-trinek. Illum issibu matul il-ġurnata għad-dell fuq bank il-pjazza. Nitkellmu ma’ Ċensu proprju jumejn wara li kellna temperaturi qawwijin. Nistaqsih dwar is-sajf ta’ żmienu b’xogħol dejjem għax-xemx. “Ħa ngħidlek is-sajf dejjem kien iebes. Jien qattajt għomri fit-trinek bil-jack hammer. Tbatija kbira. Dak iż-żmien konna nneħħu l-flokk iżżomm żewġ fliexken ilma u tibqa’ għaddej bix-xogħol. Forsi għax kont żgħir? Ix-xemx kont tissapportiha. Li nista’ ngħidlek hu li bix-xemx ta’ llum, mhux se nagħmel ġurnata f’gandott żgur. Illum ix-xemx ma’ tissapportihiex. Lunga dejjem kien hawn mhux issa biss, imma llum kif toħroġ tibilgħek l-arja meta tkun dik il-mewġa ta’ sħana. Ġieli kellna sjuf iebsa. Issa wieħed wara l-ieħor. Xi ħaġa qed jiġri.”
Nistaqsih jekk jaħsibx li dan hu riżultat ta’ bidla fil-klima? “Jien ma nistax ngħid hux bidla fil-klima, għax jgħidu ħafna affarijiet. Li ngħid u dan mill-esperjenza tiegħi ta’ 78 sena fuq din l-art, li s-sajf sar ħafna u ħafna qalil. Niftakar f’Ġunju jkun il-frisk. Ġieli filgħaxija ilbisna qmis komma twila. Illum Ġunju saret tkun sħana kbira. Jien niftakar kien ikun hemm jiem lejn l-aħħar ta’ Lulju u l-bidu ta’ Awwissu li kienu jkunu kiefra, imma issa kważi sajf sħiħ qalil. It-temperaturi qegħdin jogħlew. Illum anki inmur sal-għalqa, insibu is-siġar tal-frott maħruqin bil-lunga. Ħares lejn xi msaġar li hawn bħal dak int u sejjer lejn il-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa mill-Imġarr, tara s-siġar slavaġ nexfin. Inbidlu temperaturi. Id-dinja inbidlet”.
Fi Sqallija kelli nsuq b’xugaman
fuq saqajja
Minn faċċata tiegħu jaqbeż Feliċ. “Ħa ngħidlek kemm inbidlu t-temperaturi. Jien fis-sajf ilni snin nitla’ Sqallija bil-karozza. Inmorru Ragusa jew Modika. Qabel kont issuq u mela tħoss is-sħana imma tissapportiha. Kont tiftaħ il-ħġieġa u toħroġ idek barra u jgħaddi r-riħ mit-tieqa. Illum jekk tagħmel hekk, idek toħodhielek ix-xemx. Ilni għal dawn l-aħħar tlett snin, meta nmorru insuq b’xugaman fuq saqajja. Inkun bix-xorts u peress li x-xemx tkun minn faċċata għax ikun filgħodu kmieni, bir-riflessjoni fuq il-ħġieġa teħodli saqajja. Allura bdejt inpoġġi xugaman fuq kuxxtejja. Jien is-sajf inħobbu. Ngħix għas-sajf. Qed isir iebes ħafna. Qiegħed nippreferi x-xitwa”.
Mewġa oħra ta’ sħana
Hekk kif dħalna fix-xahar ta’ Awwissu fejn f’Lulju esperjenzajna temperaturi għoljin ħafna, issa il-kontinent Ewropew qiegħed jipprepara għal mewġa ta’ sħana intensa oħra u potenzjalment eskalazzjoni storika fis-sħana eċċessiva. Kollox jindika li r-raba’ mewġa ta’ sħana qawwija u fit-tul tal-istaġun se tiżdied lejn it-tramuntana mill-Afrika ta’ Fuq, b’’Heat Dome’ bla waqfien fuq l-Ewropa tal-Punent, dik Ċentrali u l-Mediterran.
Kollox qiegħed jindika minn mudelli li qegħdin jinħadmu ta’ kif se jiżviluppa it-temp li dik li qed tissejjaħ il-‘Heat Dome’ l-ġdida tiċċentra fuq il-Peninsula Iberika u Franza, fejn il-quċċata minn tmiem Lulju sa bidu Awwissu se tara temperaturi tal-arja mifruxin jogħlew faċilment lil hinn mill-marka ta’ 40 °C, possibilment jilħqu livelli sa 45 °C f’xi żoni.
Hekk kif din timxi lejn il-lvant, l-impatt tiegħu se jinfirex fuq l-Ewropa Ċentrali, u dan iwassal għal temperaturi ta’ 40 °C u aktar fil-Ġermanja tal-Punent, l-Olanda, Belġju, l-Italja, l-Ungerija u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Balkani tat-Tramuntana.
Iljieli aktar sħan f’Lulju…il-medja
bil-lejl kienet ta’ 2.4 grad għola
M’hemmx dubju li matul ix-xahar ta’ Lulju ħafna ilmentaw mis-sħana matul il-lejl. Filfatt it-temperatura minima medja għax-xahar ta’ Lulju bil-lejl kienet ta’ 24.9°C, jiġifieri 2.4°C ogħla mill-medja klimatoloġika ta’ 22.5°C. Kien hemm 16-il lejl konsekuttiv, jiġifieri aktar minn ġimagħtejn sħaħ li fih it-temperatura minima baqgħet ogħla mill-medja għal dan iż-żmien tas-sena. Fil-fatt kważi l-iljieli kollha f’Lulju apparti 4 kienu aktar sħan mill-medja.
Waħda mir-raġunijiet ewlenin għat-temperaturi għoljin bil-lejl hi t-temperatura għolja ħafna tal-Baħar Mediterran. Il-baħar jaħżen is-sħana matul il-ġurnata u jerħiha bil-mod matul il-lejl, u b’hekk iżomm l-arja ta’ madwar il-gżejjer Maltin sħuna u jillimita kemm tista’ tinżel it-temperatura. Fl-istess ħin, id-dominanza ta’ riħ min-Nofsinhar qed twassal arja sħuna u umda minn fuq il-Mediterran ċentrali u t-Tramuntana tal-Afrika. Din l-arja tibda minn temperatura għolja u għalhekk ma tippermettix tkessiħ qawwi matul il-lejl.
Sħanat li qegħdin jikkawżaw
diżastri ekoloġiċi
Dawn it-temperaturi għoljin qegħdin jeskalaw d-diżastri ekoloġiċi, hekk kif il-foresti niexfa fin-nofsinhar ta’ Franza u Spanja jinsabu taħt riskju estrem ta’ nirien. U dawn il-kundizzjonijiet se jinfirxu wkoll madwar l-Ewropa Ċentrali hekk kif is-sħana niexfa tespandi matul il-weekend ta’ wara. Bl-umdità relattiva tinżel sew taħt l-20 fil-mija, hemm kundizzjonijiet splussivi ta’ nirien fil-boskijiet.
Rajna per eżempju f’Bordeaux fenn kien hemm nirien kbar f’żewġ żoni partikolari li mhux biss qerdu meded kbar ta’ art imma wasslu biex xejn inqas minn 250,000 resident kellhom jiġu evakwati. Dawn issejħu, refuġjati tal-bidla fil-klima.
Li se jkun qiegħed jiġri hu li waqt li l-arja se tkun niexfa bil-mewġa tas-sħana li ġejja, it-temperatura matul il-lejl ukoll se tkun problema għax din se tibqa’ għolja ukoll. Dan iżid l-istress fiżjoloġiku għal miljuni ta’ residenti u għelejjel f’ħafna reġjuni. Il-mewġa tas-sħana fit-tul b’temperaturi ta’ 35 sa 40 °C u aktar għal jiem sħaħ se taggrava wkoll malajr l-istress tas-sħana u l-kundizzjonijiet ta’ nixfa eżistenti.
X’inhi differenza bejn il-mewġa ta’ sħana
ta’ qabel u din li ġejja?
Wieħed jista’ jistaqsi hemm xi differenza bejn il-mewġa ta’ sħana li kellna f’Lulju u din li se tolqotna f’Awwissu. Dawk li jipprevedu t-temp, qegħdin jindikaw b’mod ċar li hemm differenza.
Il-mewġa ta’ sħana se tkun simili għal dik li ffaċċjat l-Ewropa fl-aħħar ta’ Ġunju u f’nofs Lulju, iżda din id-darba l-‘Heat Dome’ se tkun aktar fil-partijiet ċentrali. U ħafna aktar intensa.
X’inhu dak li qiegħed jixpruna
l-mewġiet ta’ sħana
Il-mistoqsija li ħafna jagħmlu hu x’qiegħed jikkawża dawn il-mewġiet ta’ sħana waħda wara l-oħra.
Meta fil-passat seħħew mewġiet ta’ sħana sinifikanti u rekord fl-Ewropa, l-Istati Uniti, u l-Kanada, il-‘Heat Dome’ kien fattur li kkontribwixxa. Il-‘Heat Dome’ ġeneralment hija l-karatteristika dominanti tax-xejriet tat-temp tas-sajf fiż-żewġ kontinenti. Il-fenomenu tal-‘Heat Dome’ iseħħ meta jiżviluppaw temperaturi estremament għoljin.
Il-‘Heat Dome’ taħdem bħal għatu fuq borma. Il-koppla taqbad arja sħuna fil-livelli kollha taħtha, u b’riżultat ta’ dan, massa ta’ arja ssir anomalment sħuna fl-aktar elevazzjonijiet baxxi.
Din is-sħana eċċessiva tħalli impatt sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u tkun perikoluża għall-popolazzjonijiet partikolarment vulnerabbli, bħal individwi anzjani, tfal, u dawk b’kundizzjonijiet ta’ saħħa pre-eżistenti li jistgħu jiggravaw minn sħana estrema. Minħabba espożizzjoni fit-tul għal temperaturi għoljin, ħaddiema tal-kostruzzjoni, bdiewa, u ħaddiema oħra li jaħdmu barra għal sigħat twal huma f’riskju akbar ta’ mard relatat mas-sħana.
L-eżawriment mis-sħana jseħħ meta persuna tkun esposta fit-tul għal temperaturi għoljin. Dan iwassal għal deidrazzjoni, sturdament, u, f’każijiet aktar severi, l-eżawriment mis-sħana jista’ jipprogressa għal puplesija tas-sħana.
L-umdità relattiva għolja waqt mewġa ta’ sħana tista’ wkoll taffettwa b’mod sinifikanti l-ġisem. Meta l-massa tal-arja jkollha temperatura ta’ madwar 35 °C jew aktar, l-umdità taħt is-60 fil-mija hija ħafna inqas ta’ sfida milli meta l-umdità tkun għolja ħafna, bħal li tkun ’lfuq minn 80 fil-mija. Għalhekk, it-temperatura attwali li tinħass tkun qrib il-50 grad Celsius.
Sħana estrema hi qattiela
Is-sħana estrema hija qattiela siekta, u l-mewġa ta’ sħana li esperjenzajna diġà rajna li saret letali, u ħasdet il-ħajjiet madwar Franza u Spanja fl-ewwel jiem tagħha. Il-periklu huwa amplifikat minn soffokazzjoni tal-hekk imsejħa “iljieli tropikali” fejn it-temperaturi ma jinżlux għal 24 °C, u b’hekk jiċħdu lill-ġisem tal-bniedem it-tieqa vitali tiegħu biex jiksaħ.
Minħabba li l-arja kkundizzjonata ċentralizzata residenzjali hija rari madwar l-Ewropa, il-kmamar tal-emerġenza tħejjew biex jilqgħu aktar għal kazijiet ta’ attakk ta’ puplesija tas-sħana li thedded il-ħajja. Il-mewġ tas-sħana ġew assoċjati wkoll ma’ rati ogħla ta’ attakki tal-qalb, puplesiji, u mard respiratorju.
Il-bniedem mhux ippreparat
biżżejjed biex jikkumbatti n-nirien
IT-TORĊA tkellmet ukoll mal-ekoloġist, Mario Salerno, fejn tkellem magħna dwar l-effetti li l-bidla fil-klima qiegħda tħalli b’mod partikolari in-nirien li laqtu diversi żoni fl-Ewropa fosthom Franza, Spanja, l-Portugal u l-Greċja.
Qalilna li “qegħdin naraw li qegħdin iseħħu nirien u dawn jinfirxu malajr u qegħdin jeqirdu żoni sħaħ. Qegħdin naraw nirien fejn hemm ċertu siġar bħal tal-Prinjol (Aleppo Pine). Dawn huma siġar li jaqbdu ħafna. Fl-imgħoddi kien ikun hemm nirien imma issa fl-aħħar snin qegħdin naraw li dawn qegħdin ikunu ħafna akbar u qegħdin iħallu żoni sħaħ meqrudin. Inħoss li llum il-bniedem mhux ippreparat biżżejjed biex jikkumbatti dawn in-nirien. Rajna Franza, kif eluf ta’ nies kellhom jiġu evakwati”.
Nixfiet minħabba l-bidla fil-klima….pajjiżna
hu ppreparat għall-pressjoni fuq id-domanda għall-ilma?
Osservatur li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “l-mewġiet ta’ sħana u t-temperaturi qegħdin jaffettwaw l-ilma b’mod partikolari fil-Mediterran. Issa qegħdin naraw anke pajjiżi Ewropej jesperjenzaw tnaqqis fil-provvisti tal-ilma. Din tqajjem id-domanda, bħala pajjiż ippreparati għall-pressjoni dejjem tiżdied fuq l-ilma? Qegħdin nippjanaw u nagħtu kas jekk il-provvista li għandna llum hix se tkun biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda li se jkollna 10 snin oħra? Qiegħed ngħid dan għax diversi partijiet tal-Ewropa qed jesperjenzaw kundizzjonijiet niexfa, b’xita baxxa, ħamrija niexfa, u flussi tax-xmajjar imnaqqsa li jaffettwaw il-pajjiżi b’modi differenti. Il-kriżi tan-nixfa fl-Ewropa m’għadhiex fenomenu staġjonali limitata prinċipalment għall-Mediterran, iżda evolviet fi sfida klimatika madwar il-kontinent kollu.
Perjodi niexfa dejjem aktar frekwenti, flussi tax-xmajjar li qed jonqsu, ħamrija mnaqqsa u temperaturi li qed jogħlew qed jesponu l-vulnerabbiltà dejjem tikber tal-Ewropa għall-istress tal-ilma. Hu ċar li n-nixfa fl-Ewropa għaddiet minn bidla fundamentali f’dawn l-aħħar snin. Per eżempju f’Mejju tas-sena 2025 kellek kważi 39 fil-mija taż-żona taż-EEA ta’ 38 nazzjon li kienet affettwata minn kundizzjonijiet ta’ nixfa. M’hemmx dubju li n-Nofsinhar tal-Ewropa jibqa’ l-aktar reġjun milqut. Pajjiżi bħal Ċipru, l-Greċja u Malta huma milqutin sew. Biss il-livell ta’ twissija dan is-sajf estendew ferm lil hinn min-nofsinhar, fi Franza, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Polonja, l-Ukrajna u l-istati Baltiċi”,





