Sunday, August 2, 2026
Home Internazzjonali l-każ ta’ Ceuta…..kriżi politika bilaterali

l-każ ta’ Ceuta…..kriżi politika bilaterali

0
7

u kriżi ta’ drittijiet umani

….il-politika tal-lemin estrem u l-populisti mill-ewwel użaw il-każ, għaldarba oħra jużaw il-‘biża’ biex jieħdu vantaġġ

…falliment tal-Unjoni Ewropea

Minn Victor Vella

“Tal-biża’.” “Ibgħatuhom lura”. “Invażjoni”. “Se jeħduna”.  Dawn u kummenti ħafna agħar kienu qegħdin jakkumpanjaw l-aħbar li ammont kbir ta’ persuni li kienu jgħixu fil-Marokk qasmu lejn it-territorju ta’ Ceuta fi Spanja. L-ewwel kienu grupp ta’ madwar 2,000 persuna.  Wara komplew jiżdiedu. Immedjatament din l-aħbar niżlet għasel ma’ dawk li jappoġġjaw il-politika tal-lemin estrem. Il-populisti ukoll rikbu fuqha. B’ħafna litteralment lanqas jafu x’qed jiġri eżatt u litteralment ħasbu li dawn għamu mill-Marokk lejn Spanja. Imma l-populisti u l-estremisti tal-lemin estrem b’diversi li ddeċidew li jkomplu bin-narrattiva tagħhom, bdew immedjatament jgħidu li x-Schengen għandu jiġi sospiż u fil-fatt l-Italja issospendiet ix-Schengen ma’ Spanja.  Ma tkellmux fuq solidarjetà…fuq empatija…fuq li wieħed jgħin. Tkellmu mill-ewwel fuq ħitan – it-tneħħija tas-Schengen. 

Smajna l-politiċi Ewropej, anki dawk li jħaddnu politika tal-lemin estrem, jitkellmu fuq dan il-każ u jheddu li anki pajjiżhom għandu jagħlaq is-Schengen. Kellna min imbagħad ħareġ jiddikjara xi ħin wara li ammont mill-immigranti diġa intbagħtu lura, u pinġewlna dan qisu xi każ ta’ vittorja.

Il-famuża sentenza tal-Qorti fi Spanja….

…m’għandhiex x’taqsam

U l-populisti u tal-lemin estrem ma naqsux li jirkbu fuq punt partikolari, ma’ sentenza tal-Qorti Spanjola. Sentenza li ddikjarat li persuni li jaslu bil-baħar ma jistgħux jintbagħtu lura awtomatikament. Kull każ irid jiġi eżaminat individwalment skont il-liġi. Dan ovvjament b’rispett lejn il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li min jitlob għall-ażil ma tistax tibagħtu lura minn fejn ikun ħarab. Il-lemin estrem ipprova jbellagħha li l-immigranti sfruttaw din is-sentenza. Ovvjament, il-lemin estrem u l-populisti qabdu din in-narrattiva biex joħolqu biża’ u ansjetà, l-arma li dejjem jużaw.

Dak li rajna fl-aħħar  jiem li madwar 50,000 persuna qasmu mill-Marokk lejn Ceuta, li hi belt Spanjola fl-Afrika ta’ Fuq. Ceuta, b’popolazzjoni ta’ madwar 80,000, hi imdawwra bil-Marokk, imma hi territorju Spanjol u għalhekk ukoll territorju tal-Unjoni Ewropea.

Fi Spanja  partiti tal-oppożizzjoni argumentaw li d-deċiżjoni tal-Qorti  Spanjola, li ċċarat il-proċess legali għar-ritorn tal-migranti, inkoraġġiet iż-żieda. Magħhom ingħaqdu oħrajn li imbuttaw din l-istess narrattiva.

Imma x’tgħid eżattament din is-sentenza, li ħafna qegħdin jikkummentaw dwarha mingħajr ma jafu eżattament x’inhi. Hi sentenza li bl-ebda ma żżomm lil Spanja milli tirritorna l-migranti, iżda sempliċement tirrikjedi li l-awtoritajiet iwettqu r-ritorn fi żmien legali ta’ 72 siegħa aktar milli jiddependu fuq il-mekkaniżmu legali magħruf bħala “rifjut fil-fruntiera”.

U allura ma jagħmel l-ebda sens l-argument li ż-żgħażagħ Marokkini kienu vvjaġġaw lejn Ceuta minħabba d-deċiżjoni tal-Qorti Spanjola. Hu fatt ukoll li l-parti l-kbira taż-żgħażagħ fil-Marokk mhumiex qed isegwu u għalhekk mhux konxji ta’ x’qalet il-Qorti Spanjola.

Qasmu 50,000 persuna….li jammontaw għal 

70 fil-mija tal-popolazzjoni f’Ceuta

B’kollox qasmu mal-50,000 persuna. U hawn iqum punt ieħor. Regolarment ikun hemm vjaġġi mill-Marokk lejn Spanja, l-istess kif ikun hemm fiċ-ċentru tal-Mediterran. Fuq kull dgħajsa ikun hemm ftit ammonti ta’ nies….daqqa’ 20 persuna, 30 u f’xi każi 40 persuna. Isir hekk biex jevitaw li jinqabdu mill-awtoritajiet Marokkini. Din id-darba, lejn Ceuta kellek moviment kbir ta’ nies li ddeċidew li jaqsmu. Hu ċar ħafna li ma jistax ikollok dan il-moviment kbir ta’ nies li jaqsmu, mingħajr l-għarfien tal-awtoritajiet Marokkini.

Ejja ngħiduha kif inhi. Fil-passat kien hemm każijiet fein il-Marokk uża l-kwistjoni tal-immigrazzjoni biex jagħmel pressjoni fuq Spanja.  Spiss il-Marokk uża l-migrazzjoni bħala għodda politika u bħala valv tas-sigurtà biex itaffi l-pressjonijiet soċjali domestiċi.

Kriżi politika bilaterali…falliment tal-UE

Illum hu ċar aktar minn qatt qabel li dak li sar f’Ceuta ma jistax jitqies bħala xi invażjoni. Ma jistax jitqies bħala  kriżi tal-migrazzjoni, iżda bħala kriżi politika bilaterali u kriżi tad-drittijiet tal-bniedem. Fuq kollox wieħed jara f’din il-kwistjoni kollha il-falliment tal-Unjoni Ewropea. 

Dak li rajna hi kriżi tad-drittijiet tal-bniedem li qed isseħħ fil-qafas tal-interessi politiċi tal-gvern Marokkin, sabiex aktar tard ikun jista’ jinnegozja kwistjonijiet oħra ma’ Spanja. 

Dak li ġara f’Ceuta ma nistgħux narawh bħala kriżi migratorja kif ippruvaw ibellgħuha dawk li għandhom interess iġibuha hekk. Ceuta u dak li seħħ hu marbut mal-ġeopolitika u interessi strateġiċi bejn pajjiż u ieħor. U iva, se jkun hemm min biex jilħaq l-interessi ġeopolitiċi tiegħu, juża l-immigrazzjoni biex isservi ta’ pressjoni fuq Stat ieħor.  Wieħed irid iżomm il-ftehim bejn Spanja u l-Alġerija – li Spanja ddeskrivietu bħala ‘fażi ġdida’ u l-pożizzjoni ta’ Spanja fuq il-Palestina, li jikkontrastaw bil-kbir mal-politika tal-Istati Uniti u ta’ Iżrael, li l-Marokk hu alleat tagħhom.

Tistona l-pożizzjoni Ewropea…min issospenda

x-Schengen u min gallarija

Ir-reazzjoni fl-Ewropa kienet waħda li tħallik bla kliem. Minflok ma intweriet solidarjetà ma’ stat membru li qed jiffaċċja pressjoni fil-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea, kellna lill-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni mhux biss waħħlet fil-politika ta’ immigrazzjoni ta’ Sánchez iżda appellat ukoll biex Spanja tiġi sospiża miż-żona Schengen. Madrid wieġbet billi sejħet lill-ambaxxatur Taljan u ċanfritu.

Ġara li r-risposti minn mexxejja oħra kienu bl-istess mod, bla simpatija. Il-Ministru tal-Intern Finlandiż Mari Rantanen appoġġja l-proposta tal-Italja li tissospendi l-istatus ta’ Schengen ta’ Spanja. Manfred Weber, President tal-Partit Popolari Ewropew taċ-ċentru-lemin, ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm lil Sánchez responsabbli talli naqas milli jipproteġi l-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea. Sadanittant, Franza saħħet il-kontrolli tul il-fruntiera tagħha ma’ Spanja, waqt li pajjiżi oħra baqgħu gallarija.

Għal darba oħra għandna każ ċar fejn id-drittijiet umani jinsabu fi kriżi. Jinsabu hekk proprju fil-75 sena mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li kellha tara li dak li għaddej minnu r-refuġjati fit-Tieni Gwerra Dinjija ma jerġgax iseħħ. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here