Monday, September 23, 2024

IT-THEDDIDA MILL-ĠERMANJA

Aqra wkoll

Ma neħduhiex bi kbira li kif ninsabu aljenati bejn l-aħħar jiem tas-sajf, festi, baħar, parties, ħruġ u kull tip ta’ attivitajeit oħra, ftit li xejn tajna każ u ftit li xejn issemma f’pajjiżna, sinjal li nħareġ proprju mill-Ġermanja. Sinjal negattiv li jista’ jkollu riperkussjonijiet. Sinjal li juri problemi mhux żgħar.

Proprju fl-aħħar jiem saru l-elezzjonijiet f’Thuringia u Saxony fil-Ġermanja. Għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija partit tal-lemin estrem rebaħ elezzjoni ta’ Stat fil-Ġermanja.

Wieħed irid jieħu dan ir-riżultat fil-kuntest tiegħu, jiġifieri l-fatt li dawn iż-żewġ stati fin-naħa tal-lvant huma stati żgħar u jammontaw biss għal ftit aktar minn 7 fil-mija tal-popolazzjoni Ġermaniża. Minkejja dan imma qegħdin juru b’mod ċar żieda fl-appoġġ għall-partit tal-lemin estrem, AfD. Biex wieħed jifhem aħjar, biżżejjed jara l-mexxej ta’ l-AfD f’Thuringia, Bjorn Hocke, instab ħati li uża slogan Nażist f’attivitajiet politiċi.

L-akbar telliefa f’din l-elezzjoni kien il-Partit tax-Xellug. Dawn raw l-appoġġ tagħhom jinżel minn 31 fil-mija għal madwar 13 fil-mija f’Thuringia u f’Saxony l-appoġġ tiegħu niżel għal inqas minn 5 fi-mija.
Il-Partit Soċjal Demokratiku ġab 6 u 7 fil-mija tal-voti.

Dan hu riżultat ieħor li qiegħed ikompli juri l-frammentazzjoni tas-sitwazzjoni politika fil-Ġermanja. Frammentazzjoni li flimkien ma’ skuntentizza fost in-nies, politika maqtugħa minn nies u kwistjonijiet oħra, qed twassal biex partiti estremi jerfgħu rashom.

M’hemmx dubju li r-riżultat diżastruz tal-Partit Soċjal Demokratiku qiegħed iqajjem diskussjoni kbira. Diskussjoni għax dak li seħħ f’din il-partit tal-Ġermanja, jekk mhux se jkun trattat, jekk mhux se jaraw li jbiddlu ir-rotta, hemm ir-riskju, li naraw aktar riżultati bħal dawn.

Fuq kollox dan ir-riżultat qiegħed iqajjem diskussjoni ta’ fejn jinsab ix-xellug fl-Ewropa u fejn hu sejjer. Fein huma sejrin il-partit taċ-ċentru xellug.

Joħroġ ħafna ċar minn dak li qiegħed jingħad fil-Ġermanja, u anke pajjiżi oħra li l-partiti xellugin tbiegħda wisq mill-prinċipji tradizzjonali tagħhom. Tbiegħdu u qegħdin iwarrbuhom. Kemm f’dawk li huma valuri u anke f’dawk li huma ambizzjonijiet. Quddiem dan in-nies qegħdin iduru għall-partiti populisti. Dan apparti l-Ġermanja rajnieh jiġri fil-Finlandja, l-Iżvezja u l-Italja.

U għaliex qiegħed jiġri dan? Qiegħed jiġri dan għax illum anke l-klassi tal-ħaddiema bilkemm tissemma’ mill-Partiti Soċjal Demokratiċi. Kultant tieħu l-impressjoni li jistħu jsemmu l-klassi tal-ħaddiema. Għandna sistema politika llum li litteralment trid tikkontrolla kollox mill-bidu sa l-aħħar. Kollox trattat qisu prodott. Ikkontrollat mill-bidu sa l-aħħar.

U waqt li jsir dan, il-politiku jinqata’ minn nies. Il-popli iħossuhom jinqatgħu mill-politika, li suppost qiegħda hemm biex ittejjeb ħajjithom. Ma’ dan imbagħad ikun hemm il-miżuri ta’ awsterità li jkomplu jżidu ir-rabja u d-dwejjaq tan-nies.

Illum hu fatt li firxiet kbar ta’ nies fil-pajjiżi kollha Ewropej, jgħidulek li mhux qegħdin jgħixu aħjar. Li l-kwalità tal-ħajja mhux marret għall-aħjar imma marret lura.

Illum il-ħaddiem fl-Ewropa qiegħed iħoss li qiegħed ikollu jaħdem ħafna aktar biex jgħix ħajtu. Qiegħed iħoss li d-drittijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet tax-xogħol qegħdin dejjem jiddgħajjfu.

Dak li ħareġ mill-Ġermanja hu sinjal ċar li l-politika li qiegħda titħaddem mhix taħdem u agħar minn hekk qiegħda tressaq in-nies lejn partiti estremi. Il-mistoqsija li trid issir hi waħda ċara. Dejjem kienu l-partit xellugin li waqfu u ġġieldu l-estremiżmu u l-partiti tal-lemin estrem.

Kellna l-eżempju ta’ Franza, bir-rebħa tax-xellug Franċiż f’Lulju li għadda. Din uriet li meta x-xellug ikun magħqud. Meta x-xellug iħaddan il-prinċipji u l-valuri tiegħu u jwassalhom lin-nies, kapaċi jagħmel id-differenza. Kapaċi jieqaf lil estremiżmu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport