Monday, December 30, 2024

It-tieni aħjar mill-ewwel

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Box Office  

Il-film bijografiku “Bob Marley: One Love” żamm postu fil-quċċata tal-box office Amerikana għat-tieni ġimgħa konsekuttiva.  Is-suċċess li qed ikollu kien sorpriża għal bosta.  Sa issa, kellu dħul ta’ $71 miljun mit-teatri Amerikani u globalment dħul ta’ $120 miljun.  Il-film sewa $70 miljun biex inħadem.

L-anime sequel “Demon Slayer: Kimetsu no Yaiba — To the Hashira Training” mar l-aħjar mill-films ġodda u ddebutta fit-tieni post tal-box office Amerikana.

Fit-tielet pożizzjoni iddebuttat drama li tispira tama fil-ġenerożità tan-nies.  Dan jismu “Ordinary Angels” bis-sehem tal-attriċi Hilary Swank.

Fir-raba’ post wieħed isib “Madame Web” li ma jistax jieħu r-ruħ man-nies.  Il-film animat “Migration” kompla jżomm post mal-ħamsa ta’ fuq.

Fit-tmien post, iddebutta t-thriller komiku “Drive-Away Dolls” maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Ethan Coen.  Dan il-film kien mistenni li jkollu dħul ferm akbar minn $2.5 miljun.

Dune: Part Two

Il-ktieb ta’-awtur Amerikan Frank Herbert, ‘Dune” li kien ippubblikat fl-1965, hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa kotba tal-fantaxejnza li anke nfluwenza ħafna films oħra f’dan il-ġeneru, fosthom, “Star Wars”.

Mill-bidu nett, id-direttur Denis Villeneuve kien qal li biex ikun leali lejn l-istorja u joħroġ id-dettalji mportanti li fiha, “Dune” kien ser ikun maqsum fuq żewġ partijiet.  L-ewwel nofs rajnih fl-2021.

In-narrattiva tirrakkonta l-vjaġġ mitiku u emozzjonali taż-żagħżugħ Paul Atreides (Timothée Chalamet).  Il-familja tiegħu tkun aċċettat l-inkarigu tal-pjaneta Arrakis.  Għalkemm kienet pjaneta deżert, hi l-uniku sors ta’ droga magħrufa bħala melange.  Din kapaċi testendi l-ħajja u tgħolli l-abilitajiet mentali.  Melange anke tkun meħtieġa għan-navigazzjoni spazjali.

B’riżors daqshekk rari u importanti ma jonqos li l-fazzjonijiet tal-imperu jikkonfrontaw lil xulxin sabiex jakkwistaw il-kontrol ta’ Arrakis u din id-droga.

Filwaqt li l-ewwel film kien aktar meditattiv hekk kif in-narrattiva kienet qed turina liż-żagħżugħ Paul Atreides jiskopri pjaneta ġdida u kultura ġdida.  Din it-tieni parti fiha aktar azzjoni li hi spettakolari għax il-film kollu inġibed b’cameras IMAX u allura l-istampa hi ferm akbar, dettaljata u ntensa.  L-ewwel film kellu madwar 40 fil-mija biss li inġibed b’cameras IMAX.  Id-direttur Villeneuve għamel użu tajjeb minn din il-possibilitità, bħalma użu tajjeb ħafna għal darb’oħra l-mużika ta’ Hans Zimmer.

F’din it-tieni parti, nsibu lil Paul ikompli bil-vjaġġ tiegħu, flimkien ma’ Chani (Zendaya) li hu jsib iħobb.  Chani hi Fremen, jiġifieri abitanta fuq il-pjaneta Arrakis.  Paul ikun irid iwettaq vendetta fuq dawk li kkonfoffaw biex jeqirdu l-familja tiegħu.  Fl-istess waqt, Paul jagħmel sforz biex jevita futur ikrah li hu biss kapaċi jbassru.

Din it-tieni parti ta’ Dune hi aħjar mill-film li rajna sentejn u nofs ilu.  Hemm intensitá aktar bejn il-karattri u allura il-kwalitá tal-emozzjoni hi aħjar.  F’intervista riċenti, Villeneuve stqarr li hu ferm aktar kuntent b’din il-parti milli bl-ewwel wieħed.

Jiżdiedu wkoll xi karattri bħal Feyd-Rautha Harkonnen, li hu l-iżgħar neputi tal-Baruni Vladimir Harkonnen (Stellan Skarsgård) u s-suċċessur ta’ House Harkonnen.  F’din il-parti jidher Austin Butler, bla xagħar, b’snienu suwed u daħka diabolika.  Mill-karattri ġodda, dan hu l-aktar wieħed imponenti u jħalli mpressjoni kbira minkejja li forsi għad hawn min jiftakar lil Sting f’fin il-parti meta ħarġet il-verżjoni ta’  l-1984 tad-direttur David Lynch.

Tissieħeb ukoll Florence Pugh fil-parti ta’ ta’ bint l-Imperatur, jiġifieri l-Prinċipessa Irulan.

“Dune: part Two” hu klassifikat 12A minħabba xeni ta’ vjolenza moderata, dmija u xeni fejn hemm theddid.

Festival ta’ Berlin

Id-dokumentarju tal-Franċiża-Senagaliża Mati Diop, “Dahomey” rebaħ l-Ors tad-Deheb fil-Festival ta’ Berlin.  Diop hi l-ewwel persuna b’karnaġjon skur li rebħet dan l-unur mingħand ġurija li għall-ewwel darba kienet immexxija minn persuna b’karnaġjon skur.  Il-ġurija kienet immexxija mill-attriċi mill-Kenja  Lupita Nyong’o.

Din hi t-tieni sena konsekuttiva li film mhux fiction rebaħ il-Festival ta’ Berlin.

Id-dokumentarju jirrakkonta kif 26 opra tal-arti minn żmien il-Monarkija ta’ Dahomey, ġew mogħtija lura lil Benin wara li kienu ġew misruqa mill-Franċiżi fi żmien kolonjali.  Dawn l-opri tal-artu kienu esebiti f’Pariġi film-Musée du Quai Branly – Jacques Chirac

Unuri oħra prinċipali ntrebħu hekk: Sebastian Stan għall-parti prinċipali f’“A Different Man”; Emma Watson għall-parti sekondarja f’“Small Things Like These”; u d-direttur Kolumbjan  Nelson Carlos De Los Santos Arias għall-film “Pepe”.

Ekonomija

Sport