Għat-tieni darba, l-Assoċjazzjoni Sport Akwatiku ta’ Malta (ASA) b’kollaborazzjoni ma’ SportMalta u l-Ministeru tal-iSport se terġa’ tospita ċ-Champions League Final 4, li se ssir bejn it-30 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju fil-Pixxina Nazzjonali, Tal-Qroqq.
Waqt konferenza stampa, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onor. Clifton Grima, stqarr li l-ospitar tal-akbar kompetizzjoni fil-waterpolo f’Malta hija prova ċara li l-investiment li sar fl-isport hu suċċess. Żied jgħid li dan kollu jagħti aktar saħħa biex ikompli jinvesti fl-isport.
Intant, il-president tal-ASA Karl Izzo ta dettalji dwar it-tħejjijiet u spjega li bħas-sena l-oħra, iżda fuq skala akbar, l-avveniment se jerġa’ jkun fih Sporting Village, u li l-logħob kollu tal-Final 4 se jkun trażmess mhux biss lokalment iżda wkoll fuq diversi networks internazzjonali, u jilħaq udjenza saħansitra usa.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta u Chairman tal-Kumitat Organizzattiv Mark Cutajar qal li l-involviment ta’ SportMalta huwa kruċjali biex jiġi żgurat li dan l-avveniment prestiġjuż jerġa’ jkun wieħed ta’ suċċess. Innota wkoll li huwa grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet sportivi li Malta tkompli tattira l-aqwa avvenimenti internazzjonali biex jiġu ospitati lokalment.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Finali 4 se tinawgura wkoll is-sistema ta’ dawl permanenti li għadha kif ġiet installata fil-Pixxina Nazzjonali, investiment ta’ €135,000 li se jkun ta’ benefiċċju għad-dixxiplini akkwatiċi kollha. Dan id-dawl mill-aktar avvanzat se jsaħħaħ l-esperjenza ta’ avvenimenti akkwatiċi kemm internazzjonali kif ukoll lokali ‘l quddiem.
Barra minn hekk, matul l-istess ġimgħa taċ-Champions League Final 4, se ssir ukoll it-l-iSportMalta Cup, li fiha l-aqwa erba’ klabbs lokali tal-waterpolo se jkunu qed jikkompetu biex jirbħu t-tieni edizzjoni ta’ dan it-tournament lokali.
F’jum il-Finali taċ-Champions League, se titwaqqaf Fan Zone, kompluta b’divertiment, stands tal-ikel, u mużika live mill-grupp popolari Tikka Banda, li jagħmilha ċelebrazzjoni sportiva u kulturali sħiħa.
Biex tkun żgurata t-tmexxija bla xkiel tal-avveniment u s-sigurtà ta’ dawk li jattendu, l-aċċess bil-karozza għall-Pixxina Nazzjonali se jkun ristrett mit-30 ta’ Mejju sal-1 ta’ Ġunju.
It-triq li twassal għall-pixxina ħdejn l-Iskola Santa Monika se tkun magħluqa għat-traffiku u aċċessibbli biss bil-mixi. Għall-konvenjenza, il-Ground tal-Futbol tal-Università se jkun miftuħ għall-parkeġġ pubbliku.
Il-biljetti huma diġà għall-bejgħ kif ġej:
• Biljett ta’ Jum: €60
• Block Ticket (aċċess għal-logħbiet kollha): €85
Il-biljetti huma disponibbli minn nhar it-Tnejn 21 ta’ April minn www.showshappening.com.
Biex jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni żagħżugħa ma titlifx dan il-logħob, se jitqassmu biljetti b’xejn lin-nurseries kollha tal-waterpolo madwar il-gżira.
Dalwaqt se nkunu nafu l-erba’ timijiet li se se jkunu qed jissieltu fil-Finali 4. Fi Grupp A, Marseille (FRA) u Novi Beograd (SRB) bħalissa jinsabu ndaqs fil-quċċata b’disa’ punti kull wieħed minn erba’ logħbiet, segwiti minn Olympiacos (GRC) fit-tielet post b’ħames punti.
Fi Grupp B, il-kompetizzjoni tibqa’ miftuħa beraħ: Ferencvaros (Ungerija) jinsabu fuq quddiem b’10 punti, segwiti minn Barceloneta (Spanja) bi tmien punti, u Savona (Italja) viċin wara.
Għajnejn id-dilettanti kollha issa qegħdin fuq il-logħbiet li ġejjin biex jaraw min se jikseb il-post tiegħu fl-avveniment tal-Finali 4 li s ejkun qed isir proprju f’Malta.