Sunday, November 24, 2024

It-tieni rebħa għal Charlton Debono fil-BSJ 5K Road Running Series ġewwa l-Imtarfa

Aqra wkoll

It-tieni tiġrija tal-BSJ 5km Road Running Series għal darb’oħra rat dik li kienet ripetizzjoni tal-ewwel tiġrija, b’Charlton Debono u Mario Grech jimbuttaw lil xulxin sal-aħħar metri tat-tellieqa ta’ ħames kilometri.

Grech mar fil-vantaġġ mill-ewwel, iżda Debono kien viċin u deher li kien se jkun hemm kompetizzjoni intensa bejn it-tnejn. Distakk qasir ħafna ssepara lit-tnejn għall-biċċa l-kbira tat-tellieqa b’Debono jieħu l-vantaġġ madwar nofs it-tiġrija. Fl-aħħar medda, Debono qabeż lil Grech  biex kiseb it-tieni rebħa konsekuttiva għas-Serje ta’ din is-sena. Grech spiċċa fit-tieni post u Christian Micallef spiċċa fit-tielet post.

Fit-tellieqa tan-nisa, Jemima Farley tat prestazzjoni b’saħħitha fejn spiċċat mhux biss bħala l-ewwel atleta femminili iżda wkoll kisbet ir-raba’ post wara Christian Micallef. Tara Abdilla segwiet lil Farley. Abdilla wkoll wriet forma b’saħħitha, filwaqt li ż-żagħżugħa Zija Fuji ħadet it-tielet post.

Il-midalji lill-ewwel tlieta fil-kategoriji maskili u femminili ġew ippreżentati mill-President tal-Club Raymond Grech.

L-avveniment rat ukoll żewġ rebbieħa li ngħataw Coros Heart Rate Monitor li ttellgħet fost l-atleti li ħadu sehem. Din id-darba r-rebbieħa kienu Mark Sciberras u Jeanette Muscat.

Il-Birkirkara St Joseph Sports Club irringrazzja lil Coros Malta, lill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa u lill-LESA talli appoġġjaw dan l-avveniment.

L-aħħar tellieqa tat-2024 BSJ 5k Road Running Series ser issir nhar It-Tlieta 6 t’Awwissu fis-1930hrs fl-Imtarfa.

Riżultati uffiċjali jinstabu fuq is-sit elettroniku

https://my.raceresult.com/295216/#1_C7B3BC

Sport