Sunday, March 2, 2025

It-tieni sena ta’ Karnival mingħajr il-Pampalun … Raġel umli u artist kbir li ħalla warajh legat uniku

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-8 ta’ Novembru tal-2023 kien jum iswed għall-Beltin u għad-dilettanti kollha tal-Karnival Malti hekk kif kienet ħarġet l-aħbar tal-mewt ta’ Pawlu Curmi, magħruf bħala l-Pampalun. Dan ir-Re tal-Karnival Malti kien ikona f’dan is-settur u l-legat li ħalla warajh huwa uniku.

Imwieled fit-12 ta’ Diċembru tal-1930 fil-Belt Valletta, il-mbiki zijju Pawlu din is-sena se jkun imfakkar fil-Karnival 2025 proprju fuq il-karru tal-King Carnival, ġest mill-isbaħ b’unur ta’ dan il-persunaġġ kbir fix-xena lokali. 

Fi żmien il-Karnival b’mod partikolari tiġġedded il-memorja tiegħu. Il-Pampalun huwa deskritt bħala raġel uniku u umli. Huwa kien apprezzat immens bħala artist ġenwin bi kreattività liema bħalha f’dak kollu li kien jidħol għalih fosthom u l-aktar fil-Karnival, il-mużika u anke fiż-żfin. Fejn kien ikun hemm spettaklu mtella’ minnu, kulħadd kien jitlaq kollox biex imur jarah. 

Dan is-sit tkellem ma’ Norman Hill magħruf bħala Ciccio u Roderick Zerafa tal-kumpanija “Totò Perżuta”, żewġ persunaġġi magħrufa fis-settur kulturali tal-Karnival. It-tnejn li huma jfakkru lill-Pampalun bħala raġel kbir, b’qalb tajba u talent uniku li qasmu ma’ ħafna oħrajn bit-tagħlim tiegħu.

“Il-Pampalun la kien hawn u lanqas se jkun hawn bħalu” – il-qarib Norman Hill magħruf bħala ċ-Ciccio li dejjem xtaqt jilħaq fejn wasal iz-zijju Pawlu

Norman Hill huwa qarib tal-Pampalun. Magħruf bħala Ciccio bl-età ta’ 73 sena, laqgħana fid-dar tiegħu li hija bieb ma’ bieb ma’ dik li kienet ir-residenza tal-istess Pampalun. Miżżewweġ u missier ta’ ħames itfal, kif ukoll rebbieħ ta’ ħames titli tal-“Best of the Best” fil-kompetizzjonijiet tal-karrrijiet tal-Karnival, għal Ciccio “il-Pampalun la kien hawn u lanqas se jkun hawn bħalu. Dan għallem lil ħafna… Jiġifieri minn kull għadda minn taħt idejh  kważi tista’ tgħid li telgħu fil-klassifiki l-kbar”.

Ciccio ddeskriva lill-Pampalun bħala persuna umli li jkompli ma’ kulħadd u kien iħobb jgħallem. “Kien ukoll plejer tal-football u kien wieħed mill-aqwa drummers li għandna Malta. Kien idoqq Strada Stretta u fit-tiġijiet. Kien dam sa kważi 90 sena jdoqq meta ħuh kien jieħdu. Dan għax ħafna nies kienu jridu lilu u kull fejn ikun, l-attrazzjoni kien jeħodha huwa. Din kienet xi ħaġa straordinarja,” qal b’ammirazzjoni Ciccio. Fuq bażi personali huwa jiftakar kif il-Pampalun baqa’ sal-aħħar joħroġ barra fuq il-parapett biex igawdi l-frisk u joqgħod idoqq. 

“Kienet kompetizzjoni akkanita … Qisek qed tara l-Belt u l-Furjana”

Ciccio beda fil-Karnival mal-Pampalun. “Jien kelli lil ommi li kienet waħda mill-aqwa ħajjata tal-Karnival u missier kien jaħdem il-karrijiet. Imma hu kien kollox. It-tafal ma kienx jurina kif jaħdmu. Lili kien jgħidli ‘inti żebgħa’. Ħadt mingħandu. Imbagħad kien wasal iż-żmien li naħseb biex nibda narma għal rasi,” kompla jirrakkonta Ciccio. Spjega kif kien iltaqa’ ma’ Charlie Axisa u Oscar Curmi u beda jarma magħhom. Maż-żmien kien telaq u beda jarma għal rasu kompletament. 

Bħala memorji sbieħ tal-Pampalun bi tbissima Ciccio qal li dawn kienu meta kkompeta proprju maz-zijju Pawlu. Elabora kif il-Pampalun lin-nies kien jgħidilhom, “dan għaddieni. Meta kont inmerih kien jinsisti li iva. Dan meta kelli l-ewwel kumpanija fl-1984 meta armajt waħdi u kkompetejt kontrih. Kienet kompetizzjoni akkanita. Qisek qiegħed tara Belt u Furjana imma kont għaddejtu. Lin-nies kien qalilhom li għaddejtu imma li miegħu tgħallimt”. Dan juri kemm il-Pampalun kien għalliem tajjeb. 

“Jien kont ngħidilhom kif nixtieq nilħaq fejn laħaq iz-zijju Pawlu li, s’issa, għadu ħadd m’għamilha dik. Iz-zijju Pawlu kien l-aqwa żeffien ġo Malta. Malli kien iżeffen fil-pjazza, in-nies f’leħħa kienu kollha jmorru fil-pjazza biex jaraw iż-żifna tal-Pampalun”.

“Allura, jien, kont ngħidilhom li nixtieq li meta jasal il-karru tiegħi nara lin-nies jagħmlu l-istess bħalma jagħmlu fil-pjazza għaz-zijju Pawlu u fil-fatt, hekk kien. Malli kien se jiżfen iz-zijju Pawlu kont tarahom jitilqu l-karrijiet tagħhom jiġru lejn il-pjazza biex jaraw iż-żifna u għall-karru tiegħi, kienu jitilqu l-karrijiet tagħhom u jiġu biex jaraw il-moviment. Dan għax jiena kont ħloqt ċertu movimenti ġodda. Tal-lum sbieħ ukoll għax maż-żmien kollox jinbidel,” temm b’ton pożittiv iżda melankoniku Ciccio. 

“Pawlu huwa u jibqa’ Pawlu… l-ikona tal-Karnival … li għamel huwa ħadd ma jista’ jagħmel bħalu”

Roderick Zerafa tal-kumpanija tal-Karnival “Toto Perżuta” ferħan li din is-sena se naraw lill-Pampalun fuq il-King Carnival

“Għalija l-Pampalun kien ifisser ħafna. Naħseb li huwa kien l-aktar bniedem li tani kuraġġ inkompli fuq il-Karnival. Bħal kulħadd lill-Pampalun inqisu bħala z-zijju Pawl u din is-sena se nerġgħu nħossu n-nuqqas tiegħu. Din is-sena għandna l-vantaġġ li se jkun involut fil-King Carnival, jiġifieri se naraw lil Pawlu l-Pampalun. Din hija l-isbaħ xewqa li kelli… li narawh fuq il-King Carnival. Hawn nirringrazzja lil Anna li din is-sena qetgħetli xewqti”. Qal dan Roderick Zerafa ta’ 36 sena li jmexxi l-kumpanija tal-Karnival “Toto Perżuta” li din is-sena se tikkompeti bis-17-il karru tagħha. 

Zerafa li sal-ġurnata tal-lum f’għajnejh għadek tista’ tara l-ammirazzjoni kbira li għandu lejn iz-zijju Pawlu, enfasizza kemm il-Pampalun kien bniedem li għallem lil ħafna nies fil-Karnival. 

“L-aqwa artisti tal-Karnival ħarġu minn taħt idu”

“Nistgħu ngħidu li l-aqwa artisti fost in-nies tal-Karnival ħarġu minn taħt idu. Jien qatt ma ħdimt miegħu. Qatt ma kelli dak il-privileġġ imma, xtaqt naħdem miegħu. Għentu kemm-il darba għax f’darbtejn li għamlet ix-xita, daħħaltlu l-karru hawn fil-maħżen tiegħi. Imma kif qegħdin ngħidu… Pawlu huwa Pawlu… l-ikona tal-Karnival Malti u li għamel huwa ħadd ma jista’ jagħmel bħalu,” kompla Zerafa. 

Min-naħa tiegħu temm isostni li, “ebda kumpanija u ebda bniedem sakemm jibqa’ jsir il-Karnival. Ġieli ħareġ tliet karrijiet minn tliet kumpaniji. Mhux ċajta. Jien biex nagħmel karru wieħed ukoll ninqasam. Immaġina dan ir-raġel, kien jagħmillek tliet kumpaniji bil-karru b’kollox. Illum hawn min jagħmilhom imma mhux bil-karru. Jiġifieri, għalija, Pawlu jibqa’ Pawlu.” 

Tajjeb li nsemmu li l-Pampalun kien bniedem li jħobb u jaħdem għall-għaqda fil-komunità Beltija u kien maħbub ħafna minn kull min kien jafu inklużi tfal. Il-kontribuzzjoni kbira li ta lill-Karnival Malti qatt ma se tintesa jew tmut. Il-legat tiegħu se jibqa’ magħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport