Monday, May 13, 2024

It-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna se jibqa’ jiżboq lil dak tal-bqija tal-istati membri fl-EU

… Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-tkabbir ekonomiku matul din is-sena mistenni jkun ta’ 3.7 fil-mija. Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali, li ġie ppreżentat dalgħodu liema rapport jindika li t-tkabbir ekonomiku fiż-żona ewro se tkun waħda minima ta’ 1 fil-mija, li jfisser differenza ta’ 2.7 fil-mija meta mqabbel mar-rata ta’ tkabbir mistennija f’pajjiżna.

Skont l-istess rapport li jkompri s-sena 2022 – fis-sena li matula beda l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna u li wassal għal kriżi fejn tidħol l-enerġija – l-ekonomija Maltija baqgħet b’saħħitha bi tkabbir ta’ kważi 7 fil-mija. Il-medja tat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi fiż-żona tal-ewro kienet ta’ 3.5 fil-mija. Dan ifisser li l-ekonomija Maltija kibret kważi bid-doppju meta mqabbla mal-ekonomiji tal-bqija tal-pajjiżi fiż-żona ewro.

Skont ir-rapport l-ekonomija Maltija mistennija tikber bi 3.7 fil-mija matul is-sena d-dieħla u bi 3.5 fil-mija matul l-2025. L-istess hawnhekk, dawn iċ-ċifri juru li r-rata medja ta’ tkabbir f’pajjiżna se tkun superjuri għall-medja tar-rata tat-tkabbir ekonomiku tal-bqija tal-pajjiżi fiż-żona tal-ewro.

Min-naħa tiegħu l-ekonomista Aaron Grech spjega li dan it-tkabbir ekonomiku huwa riżultat taż-żieda fid-domanda domestika, li tlaħħaq ma’ dik ta’ qabel il-pandemija. Spjega wkoll li l-irkupru fis-settur turistiku kien fattur ieħor importanti għal dan it-tkabbir. Tkellem ukoll dwar l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija fejn jidħlu l-familji u n-negozji u li dan wassal biex ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna kienet inqas mill-medja tal-bqija tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

Skont dak imbassar fir-rapport, ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna se tibqa’ waħda baxxa u bl-inqas li qatt kienet fl-istorja. Dan filwaqt li x-xogħol f’pajjiżna mistenni jkompli jiżdied fiż-żmien li ġej.

Dwar l-inflazzjoni, ir-rapport jindika li fix-xhur li ġejjin, l-inflazzjoni se tilħaq l-ogħla livelli, iżda sal-aħħar tas-sena din se titbaxxa għal livelli inqas minn tas-sena li għaddiet. Il-gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna qal li l-mira ewlenija tibqa’ dik li din ir-rata tinżamm fil-livelli ta’ 2 fil-mija fuq bażi medium term.

Dan ir-rapport tal-Bank Ċentrali juri wkoll li, fit-tliet snin li ġejjin, id-dejn tal-Gvern se jibqa’ inqas minn 60 fil-mija.

Sport