It-tobba privati tal-familja issa jistgħu jagħmlu preskrizzjoni għal erba’ mediċini addizzjonali mill-Formularju tal-Gvern

Aqra wkoll

It-tobba privati tal-familja li huma speċjalisti fil-mediċina tal-familja issa jistgħu jagħmlu preskrizzjoni ta’ erba’ prodotti mediċinali addizzjonali li jagħmlu parti mill-Formularju tal-Gvern, għall-pazjenti eliġibbli li jkunu taħt il-kura tagħhom.

L-erba’ prodotti mediċinali huma l-omeprazole għall-oesophageal reflux disease (GORD), l-ibandronic acid, li jintuża fit-trattament tal-osteoporożi kif ukoll il-complete nutritional liquid (sip-feed supplement) u l-fluid thickener li jistgħu jiġu preskritti lil pazjenti li jkollhom bżonn sostenn nutrizjonali jew għajnuna biex jibilgħu, skont il-ħtieġa klinika tagħhom.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, bħala parti minn għadd ta’ ħidmiet li qed iwettaq il-Ministeru għas-Saħħa biex il-komunitajiet f’Malta u Għawdex ikollhom servizzi ta’ kura fil-komunità aħjar u aktar aċċessibbli, bis-sehem sħiħ tat-tobba tal-familja u speċjalisti oħrajn.

Permezz ta’ dawn l-arranġamenti ġodda għall-preskrizzjoni, il-pazjenti eliġibbli ser ikunu jistgħu jingħataw dawn it-trattamenti mis-servizz tas-saħħa pubblika abbażi ta’ rikjesta u riċetta maħruġa mit-tabib privat tagħhom mingħajr il-ħtieġa ta’ riferiment għand speċjalisti oħrajn, skont l-intitolament applikabbli tal-Iskeda V, il-protokolli tal-formularju u l-linji gwida kliniċi.

Lokalment, bħalissa, hemm aktar minn 35,000 pazjent approvati biex jibbenefikaw minn dawn il-prodotti mediċinali u pazjenti ġodda ser ikunu qed jibbenefikaw minn din il-bidla.

It-tabib ewlieni tal-Gvern Dr Clarence Pace saħaq li din il-bidla qed tkompli ttaffi l-piż fuq l-istituzzjonijiet tas-saħħa. “Dan huwa pass importanti għaliex mhux biss ser inkunu qegħdin innaqqsu l-bżonn li l-pazjenti jagħmlu traġitti għand professjonisti iżda wkoll ser innaqqsu aktar il-pressjoni fuq iċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet tagħna,” qal Dr Pace.

Din l-inizjattiva tkompli tibni fuq sensiela ta’ miżuri li qed jieħu l-Ministeru għas-Saħħa sabiex isaħħaħ il-ħidma tat-tobba privati tal-familja u jtejjeb il-koordinazzjoni u l-użu tar-riżorsi fis-servizz tas-saħħa. Din l-aħbar tiġi wkoll wara li mill-1 ta’ Settembru, l-ispeċjalisti privati fil-mediċina tal-familja u speċjalisti privati oħra ngħataw il-faċilità li jibdew jitolbu firxa usa’ ta’ testijiet tad-demm u eżamijiet bl-ultrasound mill-isptarijiet u l-istituzzjonijiet tas-saħħa tal-Istat, bir-riferimenti u r-riżultati jiġu pproċessati elettronikament permezz tal-myHealth.

Flimkien, dawn il-miżuri jnaqqsu r-riferimenti li jistgħu jiġu evitati, jiffrankaw il-ħin u l-ispejjeż għall-pazjenti, u jippermettu li l-kura tingħata eqreb ta’ darhom, filwaqt li jinżammu s-salvagwardji meħtieġa għall-użu sigur u xieraq tal-mediċini.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg saħaq li dawn l-inizjattivi huma turija ċara tal-fiduċja fil-professjonisti b’mod speċjali t-tobba tal-familja. “Dan huwa l-mod li bih irridu naħdmu, irridu nagħtu aktar saħħa lill-professjonisti li jistgħu jilqgħu l-pazjenti viċin djarhom u fl-irħula u l-ibliet tagħna lil hinn mill-isptarijiet u l-kliniċi tal-Istat. Ser inkomplu b’riformi importanti sabiex il-pazjenti jinqdew bl-aħjar mod viċin djarhom,” qal Dr Borg.

Il-Ministeru ser ikompli jaħdem mat-tobba tal-familja u ma’ dawk kollha involuti f’dan il-qasam biex iżid aktar servizzi li jistgħu jingħataw b’mod sigur u effettiv fil-komunità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport