Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li minn din il-ġimgħa, it-tobba kollha tal-familja, kemm dawk li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa kif ukoll dawk li jaħdmu fil-privat, jistgħu japplikaw għall-kartuna safra għall-pazjenti tagħhom li għandhom dawn il-kundizzjonijiet – l-asthma, dijabete, il-pressjoni għolja jew kolesterol għoli.
“Daħħalna sistema fejn qed innaqqsu l-burokrazija għal dawk il-persuni li jridu jakkwistaw jew jieħdu l-mediċini għax għandhom bżonnhom għall-kura ta’ mard kroniku,” qal Fearne meta kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputat Laburista Ray Abela. Huwa qal li din hi xi ħaġa ġdida, li bdiet proprju minn din il-ġimgħa.
“Dan ifisser li dawk il-pazjenti li għandhom dawn il-kundizzjonijiet, jistgħu japplikaw immedjatament għand it-tabib tagħhom u dik il-kartuna s-safra tibqa’ tgħodd għal 10 snin. Billi daħħalna sistema mal-ispiżjara li kull sitt xhur jassessjaw x’mediċina qed jieħu l-pazjent, ir-riċetta tibqa’ tgħodd għal numru ta’ xhur,” kompla jispjega d-Deputat Prim Ministru Fearne.