It-toroq ta’ Malta mhumiex korsi tat-tiġrijiet u s-750 multa ta’ veloċità maħruġa mill-pulizija f’sitt ġimgħat jenfasizzaw nuqqas ta’ attenzjoni fir-rigward ta’ liġijiet tat-traffiku u s-sigurtà pubblika u juru l-ħtieġa ta’ viġilanza kontinwa.
Dan qalitu l-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni dwar is-sewqan bl-addoċċ fi stqarrija, fejn fiha laqgħet l-isforzi kontinwi tal-pulizija biex irażżnu l-veloċità. L-Assoċjazzjoni nnutat l-erba’ mwiet traġiċi fit-toroq irreġistrati s’issa din is-sena, u qalet li r-rabta bejn veloċità eċċessiva u inċidenti serji ma tistax tiġi injorata.
Din qalet ukoll; “L-infurzar kontinwu jgħin biex terġa’ tinkiseb il-kalma u tnaqqas l-abbuż fit-toroq tagħna. U filwaqt li l-veloċità tibqa’ ta’ tħassib serju, mhix l-unika imġieba perikoluża li niltaqgħu magħhom. Distrazzjoni, partikolarment l-użu tal-mowbajls waqt is-sewqan, hija ugwalment prevalenti u toħloq riskju sinifikanti,”
L-Assoċjazzjoni qalet li l-veloċità, flimkien mas-sewqan taħt l-alkoħol u d-droga, kien fost il-kwistjonijiet diskussi mal-Kummissarju tal-Pulizija waqt laqgħa riċenti.
“L-infurzar tas-sikurezza fit-toroq irid ikun kontinwu, mhux staġjonali, jekk irid ikun tassew effettiv. Infurzar konsistenti se jsaħħaħ il-messaġġ li sewqan perikoluż mhux se jkun ittollerat.
“Is-sigurtà fit-toroq mhijiex biss dwar il-ħruġ ta’ multi jew punti ta’ penali; huwa dwar it-trawwim ta’ kultura ta’ rispett. It-toroq tagħna mhumiex korsi tat-tiġrijiet, u kull sewwieq għandu r-responsabbiltà li jassigura li qed isuq b’mod sigur, għalihom infushom u għall-oħrajn,” saħqet l-Assoċjazzjoni.
L-IAM ħeġġet ukoll lill-awtoritajiet biex isegwu l-impenn tagħhom għal infurzar b’saħħtu u sostnut, filwaqt li appellat ukoll lis-sewwieqa kollha tat-toroq biex jaġixxu b’mod responsabbli u jagħtu sehemhom biex it-toroq tagħna jsiru aktar sikuri.