Friday, November 22, 2024

It-trail ta’ Dwejra Lines aktar aċċessibbli għat-trekkers grazzi għal xogħol minn Ambjent Malta

Ix-xogħol fuq id-Dwejra Lines huwa l-ewwel wieħed fost ix-xogħolijiet li se jsiru fuq kurituri ekoloġiċi biex Malta tiżviluppa trail nazzjonali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli żaret ix-xogħolijiet minn Ambjent Malta biex id-Dwejra Lines, b’tul ta’ 3.5 kilometru, issir aktar aċċessibbli għat-trekkers u l-pubbliku.

Dan ix-xogħol huwa parti mix-xogħolijiet li se jkunu qed isiru fuq trails differenti biex Malta tiżviluppa trail nazzjonali. Dwejra Lines tifforma parti minn trail ferm ikbar, il-Victoria Lines, li tibda minn Fomm ir-Riħ u taqsam lil Malta sa Pembroke.

Akkumpanjata minn Ambjent Malta u r-Ramblers Association, flimkien mal-Friends of the Victoria Lines u Trekking Malta, il-Ministru Miriam Dalli rat ix-xogħol li sar biex it-trail issir aktar aċċessibbli.

Ingram Bondin, President tar-Ramblers Association, spjega kif ix-xogħol ta’ tindif li sar u tneħħija ta’ ħaxix ħażin li kien qed jgħatti l-mogħdija, issa se jgħin lil viżitaturi jimxu din it-trail b’mod aktar sigur. Ambjent Malta fil-fatt se tkun qed timplimenta skeda regolari ta’ tindif fis-soft areas.

Ambjent Malta neħħiet ammont sostanzjali ta’ skart mormi illegalment u installat tabelli ta’ gwida. Barra minn hekk, ġew impinġija wkoll blazes li huma marki magħrufa internazzjonalment mir-ramblers.

Biex il-post jitgawda wkoll mill-familji, f’żona minnhom fid-Dwejra Lines ġew installati picnic benches.

“Bħala parti mill-wegħda elettorali li nagħmlu minn Victoria Lines trail nazzjonali, permezz ta’ Ambjent Malta għamilna x-xogħolijiet fuq id-Dwejra Lines biex in-nies ikunu jistgħu jittrekkjaw minn din il-parti. L-impenn tagħna huwa li nkomplu għaddejjin b’din il-ħidma u biex noħolqu aktar kuxjenza dwar il-ħtieġa li nibżgħu għal postijiet bħal dawn u l-bijodiversita,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Josianne Muscat, Direttur fi ħdan Ambjent Malta qalet li fiż-żmien li ġej dan ix-xogħol se jkompli għaddej sabiex it-trail jinżamm fl-aħjar stat possibbli u se jiġi estiż għal bnadi oħra tul il-Victoria Lines. “Barra minnhekk se nkomplu bil-ħidma f’trails oħra fosthom f’Kemmuna u fil-Foresta 2000. Nappellaw lil dawk li jżuru dawn il-postijiet sabiex iżommu l-post nadif u fi stat tajjeb,” qalet Josianne Muscat.

a

Sport