Sunday, November 24, 2024

Itemm il-karriera f’etá żgħira … minħabba l-familja

Aqra wkoll

L-eks midfielder ta’ Celtic u l-Awstralja, Tom Rogic, ir­tira mill-football fl-etá ta’ 30 sena hekk kif żvela l-“ġlied u l-uġigħ ta’ qalb” li hu u martu esperjenzaw fit-tkabbir tal-familja tagħhom.

Il-koppja kellha l-ewwel bint fl-2021 wara “ħafna rounds falluti ta’ IVF” u qed jistennew mill-ġdid is-sena d-dieħla.

Rogic enfasizza l-appoġġ mis-sid ta’ Celtic, Dermot Desmond, u l-eks kap eżekuttiv, Peter Lawwell.

“Mingħajr l-għajnuna tagħhom, dan kollu ma kienx ikun possibbli,” huwa qal.

“Permezz ta’ Peter u Dermot, ġejt f’kuntatt dirett ma’ wieħed mill-esperti mediċi ewlenin fid-dinja, li eventwalment wassal biex jien u marti tpoġġejna fil-klinika li tagħtina l-aħjar ċans possibbli li nibdew familja. Għal dejjem grat.

“Minħabba l-passat tagħna u kemm iġġelidna għal dan, flimkien mal-isfidi li se jiġu meta jkollok tewmin u tifla ta’ sentejn, issa jidher li huwa ż-żmien it-tajjeb biex nagħti l-attenzjoni tiegħi għal dak li hu l-aktar ħaġa importanti f’ħajti – il-familja tiegħi.”

Rogic ingħaqad ma’ Celtic mingħand Central Coast Ma­riners fl-2013, u kompla biex lagħab 273 darba, iżda ġie rilax­xat fl-2022, bil-manager ta’ dak iż-żmien, Ange Postecoglou, l-eks coach ewlieni tiegħu fl-Awstralja, jagħti ħjiel għax-xewqa tal-player li lagħab 53 darba għall-pajjiżu li jersaq eqreb lejn id-dar.

Madankollu, il-midfielder kellu sussegwentement jin­għaqad ma’ West Bromwich Albion, fejn lagħab 23 darba mat-team taċ-Championship qabel ħareġ dan is-sajf.

Rogic spjega fuq Instagram li, filwaqt li s-soltu jippreferi li jżomm il-ħajja tal-familja tiegħu privata, huwa ħaseb li kien meħtieġ li jispjega d-deċiżjoni tiegħu u l-battalja ta’ seba’ snin “immensa ta’ sfida” li hu u martu kellhom bi “kwistjonijiet ta’ fertilità”.

“Ħabbejt kull minuta li nkun missier u nqisha l-akbar kisba tiegħi fil-ħajja,” kompla jgħid.

“Wara li esperjenzajna aktar ġlidiet u uġigħ ta’ qalb bit-trattament tal-fertilità, dan l-aħħar irċevejna l-aħbar aqwa li l-familja tagħna qed tikber u se nkunu qed nistennew tewmin fl-2024.

“Wara li konna ilna bogħod għal tant snin, jien u l-familja tiegħi issa rritornajna f’darna l-Awstralja hekk kif inħarsu ‘l quddiem lejn is-sena d-dieħla.”

Rogic qal li jħossu “fortunat ħafna” li “qattajt il-biċċa l-kbira taż-żmien tiegħi nilgħab ma’ Celtic Football Club, wieħed mill-akbar clubs fid-dinja, nilgħab il-football Ewropew, nirbaħ ħafna trofej u nilgħab quddiem 60,000 partitarju kull ġimgħa”.

Huwa żied jgħid: “Kelli wkoll xorti tajba li nirrappreżenta lill-pajjiżi, is-Socceroos, f’aktar minn 50 okkażjoni u esperjenzajt nilgħab f’tournaments internazzjonali ewlenin.”

Sport