Tuesday, May 14, 2024

Ix-xeni ta’ Malta huma spettakolari

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Kif kien mistenni, “Jurassic World Dominion” iddomina l-box office Amerikana fi tmiem il-ġimgħa bi dħul ta’ $143 miljun. Dan minkejja li ma kellux reviews tajba.  Is-sitt wieħed mill-franchise ta’ ‘Jurassic’ ma kellux suċċess daqs “Jurassic World” imma mar aħjar minn ta’ qablu “Fallen Kingdom”.

Mill-pajjiżi l-oħra fejn ħareġ għall-wiri, “Dominion” kellu dħul ta’ $245 miljun biex dan il-blockbuster li sewa $185 miljun biex inħadem issa laħaq iċ-ċifra globali ta’ $388 miljun wara tlitt ijiem.

“Top Gun: Maverick” għadu sejjer tajjeb ħafna fit-tielet ġimgħa.  Fil-weekend li għadda, kellu dħul ta’ $50 miljun biex globalment issa laħaq iċ-ċifra ta’ $747 miljun.

Fit-tliet postijiet l-oħra ta’ l-aqwa ħamsa fil-box ofrfice Amerikana insibu: “Doctor Strange in the Multiverse of Madness”, “The Bob’s Burgers Movie” u “The Bad Guys”.

Jurassic World Dominion

Meta franchise ikollha suċċess, in-norma hi li għandek taħdem sequel ieħor għax hemm probabilitá kbira ta’ suċċess.  Għalhekk illum miżgħuda b’ħafna sequels, prequels, remakes u reboots.  Madankollu xi skop hemm li tagħmel sequel jekk mgħandek xejn x’iżżid man-narrattiva li l-udjenza diġa taf?

Il-ktieb tal-1990 ta’ Michael Crichton “Jurassic Park”, kellu kritika għar-riċerka fil-qasam tal-ġentika li kienet fil-qofol tagħha.  Il-film ta’ Steven Spielberg li ntroduċa avvanz massiv fit-teknoloġija tal-effetti viżwali, ħareġ b’mod effettiv dan il-punt ta’ etika imma forsi ntilef mill-udjenzi għax aktar kienu msaħħra bil-viżwal tad-dinosawri li dehru qishom reali.

Is-sequels li ġew wara waqgħu vittma tal-kunċett li suppost kienu qed jikkritikaw: hemm skop li d-dinosawri jerġgħu jiġġerrew ma saqajna b’ebda skop partikolari ħlief biex xi nies jagħmlu profitti kbar?

Meta faslu l-iscript ta’ “Jurassic World Dominion”, jidher li finalment riedu jwieġbu din il-mistoqsija.  Jibda mill-bidu nett hekk Monosaurus jattakka gaġġa tal-ħut li tkun qegħda tittella mis-sajjieda fil-baħar Baltiku; Pteranodons għandhom il-bejta fuq skyscraper, etc.  Il-bidu ma jagħtinix l-impressjoni li l-bnedmin qed iħħabblu rashom li d-dinosawri qed jiġġerrrew fosthom.

Jurassic World Dominion

Wara li naraw dan kollu, in-narrattiva tgħaddi biex tippreżentalna li kien hemm theddida oħra li hi frott tat-tbagħbis fil-ġenetika minn xjenzat miġnun.  Dawn huma ġradi ġganteski fi ġlejjeb kbar li kienu qed jinħolqu fil-laboratorji tal-korporazzjoni BioSyn u jeqirdu l-uċuh tar-raba’.  Il-problema li kienu qed iġibu magħhom il-ġradi ġganteski huma l-iskuża biex Ellie Sattler (Laura Dern) and Alan Grant (Sam Neill) jirritornaw mill-ewwel triloġija ta’ “Jurassic Park”.   Magħhom jingħaqad Dr Ian Malcolm (Jeff Goldblum), li jispeċjalizza fit-teorija tal-kaos.

U x-xeni ta’ Malta fejn jidħlu? F’pajjiżna ikun għaddej black market tad-dinosawri.  Barra minn hekk, hawn Malta tinġab Maisie Lockwood (Isabella Sermon) li mhux biss tkun l-ewwel clone umana, imma ommha fejqitha qabel mietet mill-marda terminali li kellha billi reġgħet ġiet ri-programmata d-DNA ta’ kull ċellola fil-ġisem tat-tfajla. 

Ir-ribella Maisie tkun qed titrabba taħt il-ħarsien ta’ Owen Grady (Chris Pratt) u Claire Dearing (Bryce Dallas Howard) meta t-tfajla ta’ 15-il sena tinħataf min-nies mibgħuta miċ-CEO ta’ Biosyn, Lewis Dodgson (Campbell Scott).  Jinħataf ukoll id-dinosawru tarbija Beta, bint il-Velociraptor Blue. Dodgson ried kemm lit-tfajla kif ukoll lil Beta.  Qabel jispiċċaw f’Biosyn, Maisie tinġab Malta.  Fl-istorja tidħol ukoll il-bdota avventuriera Kayla (DeWanda Wise) li tispiċċa tgħin lil Owen u Claire bies isibu lil Maisie.

Ix-xeni f’Malta li huma twal 17-il minuta huma spettakolari u l-aħjar parti tal-film.  Huma qabel nofs il-film.  Wara ma jiġri xejn partikolari li hu differenti minn dak li rajna diversi drabi oħra bid-direttur Colin Trevorrow ried jurina kemm għandu għad-dispożizzjoni tiegħu effetti viżwali straordinarja aqwa minn ta’ films oħra.   

Gwida għal min ser jara “Jurassic World Dominion”: 12A (hu rakkomandat li tfal taħt it-12-il sena jkunu akkumpanjati minn adult) minħabba xeni tal-biża’ u vjolenti.

Sport