Monday, May 13, 2024

Żewġ persuni arrestati b’rabta mal-għajbien ta’ ġurnalist fil-foresta Amażonja

Aqra wkoll

Il-Pulizija tal-Brażil arres­taw it-tieni suspettat li allegatament kien involut fl-għajbien tal-ġurnalist Britanniku Dom Phillips u l-espert indiġenu Bruno Pereira. 

Oseney da Costa de Oliveira ġie arrestat fuq suspett li kien involut f’dan l-għejbien, u dan wara li ħuh Amarildo da Costa de Oliveira wkoll ġie arrestat. Min-naħa tiegħu Amarildo qal li huwa ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dan il-każ.

Phillips ta’ 57 sena u Pereira ta’ 41 għebu hekk kif dawn kienu qegħdin jesploraw parti remota tal-foresta Amażonja nhar il-5 ta’ Ġunju li għadda. Nhar il-Ħadd li għadda wħud mill-affarijiet personali li kienu jappartjenu lil dawn iż-żewġ persuni nstabu mitluqin f’żona ġewwa din il-foresta. Fost l-affarijiet li nstabu kien hemm anke l-laptop tal-ġurnalist. Stqar­rija mill-pulizija federali kienet tgħid ukoll li ż-żewġt irġiel dehru l-aħħar fil-villaġġ ta’ Sao Gabriel u minn hemm ittieħdu numru ta’ affarijiet biex jiġu analizzati mill-esperti forensiċi, fosthom anke munizzjon. 

Alex Perez, li huwa l-investigatur ewlieni f’dan il-każ, qal li Oseney da Costa de Oliveira ma rreżistiex l-arrest fuq suspett ta’ omiċidju. Huwa tenna li l-arrest sar wara persuni qalu li raw lil Oseney u ħuh flimkien fil-post li aktarx huwa x-xena tad-delitt. Phillips kien ilu jgħix il-Brażil għal iktar minn deċenju u kien kontributur ewlieni tal-ġurnal Guardian. Huwa kien ukoll qiegħed jikteb ktieb dwar l-Amażonja. Jiem qabel Phillips u Pereira għebu, gruppi indiġeni kienu qalu li l-Britanniku kien ġie mhedded wara li kkampanja kontra sajd illegali li jsir fiż-żona. 

Sport