Sunday, May 19, 2024

Iż-żagħżugħ Malti li mar jgħin lir-refuġjati Ukreni… qed jgħin tfal Ukreni

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mhux faċli tkun waħdek f’pajjiż barrani jew f’żona remota, karatterizzata minn ammont ma jaqta’ xejn ta’ persuni li qed jaħarbu minn pajjiżhom. Anzjani, nisa, ommijiet u tfal.   Kollha bi stejjer differenti. Kollha qed jaslulhom aħbarijiet kontinwi. Min jisma’ li d-dar li kien fiha intlaqtet mill-bumbadamenti. Min jisma’ li xi nies li jaf inqatlu fl-attakki. Oħrajn jistennew aħbarijiet dwar qraba tagħhom. Din hi s-sitwazzjoni ta’ refuġjati Ukreni.

Refuġjati li marru mal-fruntieri ta’ pajjiżi ġirien tal-Ukrajna. Din hi s-sitwazzjoni li jiltaqa’ magħha ta’ kuljum Carlos Chircop, żagħżugħ Malti li mar waħdu fil-Polonja biex jgħin ir-refuġjati Ukreni. Carlos ilu xahar jgħin lil dawn ir-refuġjati. Fl-ewwel ftit jiem tiegħu hu kien għen fl-istazzjon tal-ferrovija u proprju fl-aħħar jiem hu ttrasferixxa ruħu lejn villaġġ qrib il-belt ta’ Krakow fil-Polonja fejn hemm kamp tar-refuġjati.

Talk.mt tkellmet ma’ Carlos fl-aħħar jiem.  Hu jgħidilna li “issa mort ġo villaġġ żgħir ngħix mar-refuġjati. Is-sitwazzjoni tiegħi inbidlet ħafna, meta tqabbilha mal-ewwel jiem li kont hawn.  Hawnhekk issa qed noqgħod mat-tfal żgħar, li jkunu qed jivvjaġġaw ma’ ommijiet. Qed nieħdu ħsiebhom u naraw xi bżonnijiet ikollhom bżonn. Qed nieħdu ukoll ħsieb li nies oħra li jiġu billi inqassmulhom l-affarijiet bħal ikel, ħwejjeġ u affarijiet bażiċi oħra”.

Xi wħud jagħżlu li jibqgħu hawn… oħrajn jimxu lejn post ieħor

Carlos jgħidilna li “dawn ir-refuġjati qed ikun hemm minnhom i jagħżlu li jibqgħu fil-villaġġ waqt li jkun hemm oħrajn li jagħżlu li jimxu lejn post ieħor.  Bħala ikel normalment ikollhom, għalkemm f’dan iċ-ċentru fejn jien qiegħed jaslu donazzjonijiet minn madwar id-dinja. Biżżejjed ngħidlek li ftit ilu waslet għajnuna minn Franza. Ir-refuġjati ġeneralment jimxu meta jlestu d-dokumenti tagħhom biex b’hekk ikunu jistgħu jkomplu mexjin għal postijiet oħra fosthom  bliet kbar”.

It-tfal qed ipinġu dak li raw b’għajnejhom… parti mix-xogħol tiegħi hu li nilgħab magħhom

Nitkellmu miegħu dwar is-sitwazzjoni li jkunu jinsabu fiha it-tfal Ukreni hekk kif jaslu f’dan iċ-ċentri u fil-jiem li huma jqattgħu huma. Jenfasizza li “tfal iħossuhom care free meta jaslu hawn. Jien parti minn xogħli hu li noqgħod nilgħab magħhom bil-ġugarelli, rota, futbol u anke ‘snowball fights’. Huma f’ħin li jkollhom għal kwiet anke jispiċċaw ipinġu dak li raw quddiem għajnejhom fl-Ukrajna.”

Jgħidilna li nuqqas li qed jinħass ħafna f’dawn iċ-ċentri tar-refuġjati hu nuqqas ta’ provvisti ta’ ċertu affarijiet bħal deodorants, shower gel, shampoo u sapun tal-ħasil tal-idejn. Jisħaq li “min irid jgħin jista’ jgħaddi donazzjonijiet lill-Caritas fi Krakow. Ikun jaqbel li jgħaddu donazzjonijiet lilhom milli jintbagħtu provvisti għax l-ispiża tat-trasport biex tinġarr l-għajnuna hi għolja.”

Persuna urietni ritratti ta’ suldati maqtulin b’partijiet ta’ ġisimhom neqsin

Carlos jitkellem dwar l-istejjer tar-refuġjati Ukreni. Jispjega li “jgħidulek li kellhom iħallu kollox inkluż lill-irġiel tagħhom biex huma jippruvaw jgħixu.  Jien rajt ritratti li wrieni persuna fejn suldati kienu maqtulin b’partijiet neqsin jew separati, nies maħruqa kompletament, mejtin b’wiċċ ta’ dmija”, jirrakkonta Carlos. 

Sport