Thursday, April 25, 2024

Izibet … l-isponsor il-ġdid tal-FA Trophy

Aqra wkoll

Waqt konferenza stampa li saret fis-Centenary Hall, ġie żvelat li IZIBET se jkunu l-isponsors il-ġodda tal-FA Trophy.

Izibet hija kumpanija ewlenija tal-betting ġewwa pajjiżna.

Il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, qal li fit-tfittxija ta’ sponsor għal din il-kompetizzjoni, l-assoċjazzjoni riedet issib sieħeb fejn iż-żewġ naħat jaqsmu intenzjoni komuni bejniethom. Huwa qal li jinsab kunfidenti li din is-sħubija se tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat.

Huwa pprovda iktar informaz­zjoni u xi statistika rigward din it-tieni l-aktar kompetizzjoni importanti fil-football Malti fejn qal li din it-Tazza ntrebħet 81 darba bi Sliema Wanderers jirbħuha 21 darba segwiti minn Floriana li rebħuha 20 darba.

Ta’ nota huwa l-fatt li matul l-aħħar żewġ staġuni din il-kompetizzjoni ma ġietx konkluża minħabba li ġew interrotti minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Dan filwaqt li din il-kompetizzjoni ġiet organizzata għall-ewwel darba lura fl-istaġun 1934/ 35.

Matul dan l-istaġun, din il-kompetizzjoni se tkun qed tara total ta’ 64 team, b’erba’ ti­mijiet se jkunu qed jeċċedu għal din il-kompetizzjoni wara li jkunu kisbu post bħala semi-finalisti tan-National Amateur Cup, tmien timijiet minn Għawdex, 22 miċ-Challenge League u 12 mill-Kampjonat Premier. Il-finali tant mistennija tal-FA Trophy se tintlagħab, nhar il-Ħadd 8 ta’ Mejju.

Fl-aħħarnett Bjorn Vassallo kellu kliem ta’ radd il-ħajr għall-viċi-president tal-MFA, Matthew Paris, u għad-Direttur tal-Marketing fi ħdan l-istess assoċjazzjoni, Matthew Spiteri Gonzi, talli kienu strumentali biex l-MFA tikseb dan l-isponsorhip.

Intant, waqt li kien qed jitkellem f’isem Izibet, Franco Degabriele, qal li l-kumpanija taqsam l-istess viżjoni tal-Malta Football Association u qal li l-isponsorship mhux biss tagħti valur lil-logħba iżda wkoll lis-soċjetà in ġenerali billi l-football jipprovdi l-valuri tad-dixxiplina, team-work u rispett.

Interessanti huwa l-fatt li l-istess Degabriele huwa ex-player tal-football u kien wasal sas-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni lura fl-istaġun 1993/94 meta dak iż-żmien kien jilgħab ma’ Rabat Ajax li, nhar il-15 ta’ Mejju 1994, fl-Istadium Nazzjonali kienu ġew megħluba minn Floriana bl-iskor ta’ 3-1, bil-Greens imbaghad ikunu huma li spiċċaw biex rebħu din il-kompetizzjoni meta fil-finali kienu għelbu lir-rivali Valletta bl-iskor minimu ta’ 1-0.

Sport