Wednesday, April 24, 2024

L-elezzjoni fil-Ġermanja u d-disfatta Demokristjana

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Wara snin twal jiddominaw l-elezzjonijiet ġenerali fil-Ġermanja, id-Demokristjani għadhom kemm kellhom wieħed mill-agħar riżultati tagħhom fl-elezzjoni li għadha kemm saret. Dan ir-riżultat li ra tnaqqis kbir ta’ voti mis-CDU, il-Partit Demokristjan Ġermaniż, mill-elezzjoni ta’ ħames snin ilu, kif ukoll żieda qawwija ta’ voti mill-Partit Soċjal Demokratiku kif ukoll mill-partit tal-ħodor, jaf jitfa’ lid-Demokristjani fl-oppożizzjoni, aktar u aktar wara li Olaf Sholtz u Annalena Baerbock, il-kandidati li ppreżentaw il-Partit Soċjal Demokratiku u l-Ħodor għall-kariga ta’ kancillier, iddikjaraw li huma lesti li jaħdmu flimkien. 

Minħabba li l-ebda partit ma rnexxielu jġib il-maġġoranza assoluta, huwa mistenni li nassistu għal ġimgħat ta’ negozjati bejn il-partiti sabiex tiġi ffurmata koalizzjoni. Hemm diversi possibiltajiet ta’ kif jista’ jiġi ffurmat gvern ġdid. Sakemm jintlaħaq ftehim bejn il-partiti, Angela Merkel, li wara 16-il sena tmexxi l-pajjiż, fuq għażla tagħha ma kinitx il-kandidata tas-CDU għall-kanċillier, mistennija tkun qiegħda tkompli tmexxi lill-Ġermanja.

Ir-riżultat

Mingħajr dubju ta’ xejn l-aktar partit li għandu jħossu kuntent bir-riżultat ta’ din l-elezzjoni huwa l-Partit Soċjal Demokratiku li ġab kwazi 26% tal-voti biex issa huwa l-akbar partit fil-Ġermanja. Dan ir-riżultat ifisser żieda ta’ aktar minn 5% fuq l-elezzjoni ta’ qabel. 

Minkejja li l-Partit tal-Ħodor kellu l-aħjar riżultat tiegħu ta’ kull żmien, meta ġab kważi 15% tal-voti, riżultat li  issa għamu t-tielet l-akbar partit ġewwa l-Ġermanja, meta żied kważi 6% fuq ħames snin ilu, huma kellhom fejn iġibu aktar voti meta naqsu kważi 10% tal-voti li kienu qegħdin juru l-polls ta’ sena ilu.

Partit ieħor li żied ftit fil-voti huwa l-Partit tad-Demokratiċi Ħielsa, jew l-FDP, li jirrappreżenta ħafna lin-negozjanti u li ġab qrib il-11.5% tal-voti.

Kif diġà għedna fl-introduzzjoni, l-aktar partit li ddiżappunta kien is-CDU li għall-ewwel darba f’ħafna snin, kien qiegħed jirrappreżenta kandidat ġdid għal kariga ta’ kanċillier permezz ta’ Armin Laschet minflok Angela Merkel. Wara snin twal jiddomina kull elezzjoni gewwa l-Ġermanja, flimkien mas-CSU, il-partit alleat tiegħu, dawn iż-żewg partiti li jikkontestaw kull elezzjoni taħt l-istess lista, spiċċaw fit-tieni post f’dawn li huma voti miksuba meta ġabu madwar 24% tal-voti li jfisser tnaqqis kbir ta’ kważi 9% fuq l-elezzjoni preċedenti. Dan kien l-aghar riżultat f’dawn l-aħar seba’ deċennji.

Partit ieħor li żgur ħareġ iddizżappuntat huwa l-partit mil-lemin estrem magħruf bħala l-Alternattiva għall-Ġermanja li naqqas aktar minn 2% mill-voti li kien ġab qabel, meta issa kiseb biss ftit aktar minn 10%. 

Alleanza oħra li ddizappuntat bil-kbir hija dik magħrufa bhala l-Linke li hija magħmula minn politiċi ġejjin min-naħa xellugija fosthom anke ex-komunisti mill-Lvant tal-Ġermanja. 

Dawn ir-riżultati issa jiġu kkonvertiti f’siġġijiet fil-Bundestag, il-parlament Ġermaniż. Huwa mistenni li s-Soċjalisti jkollhom madwar 206, żieda ta’ 23 siġġu. L-alleanza bejn is-CDU u s-CSU tilfet xejn anqas minn 50 siġġu meta issa sejrin ikollhom 196 siġġu. Il-ħodor sejrin ikollhom madwar 50 siġġu aktar u għalhekk sejrin jilħqu t-total ta’ madwar 118. 

Koalizzjonijiet possibli

Il-medja Ġermaniża tħobb tagħti ismijiet lil kull koalizzjoni li hija possibbli dejjem skont il-kuluri tal-partit li jkunu jiffurmawhom. Sabiex tiġi ffurmata koalizzjoni l-partiti jridu jaqbżu l-minimu ta’ 368 siġġu.

L-aktar koalizzjoni li qiegħda tissemma hija dik magħrufa bħala “tas-sinjali tat-traffiku” magħmula mis-soċjalisti, mill-ħodor li huma ta’ tendenzi xellugin, però magħhom jidħol element ta’ politika leminija permezz tal-FDP. Koalizzjoni oħra li tixbah ħafna lil din li għadna kemm semmejna hija dik magħmula mis-Soċjalisti, mill-Ħodor u mil-Linke, però din taf tagħti l-impressjoni ta’ gvern wisq xellugi. Koalizzjoni li hija wkoll possibbli hija dik bejn ir-rivali eterni, jiġifieri bejn is-Soċjalisti u d-Demokristjani, koalizzjoni li kienet tmexxi lill-Ġermanja matul dawn l-aħħar snin.

Hemm diversi koalizzjonijiet oħra possibli però dawn it-tlieta li semmejna jidhru l-aktar possibbli. Hemm possibilitajiet oħra li saħansitra jeskludu lill-partit li ġie l-ewwel għalkemm xenarji bħal dawn ma tantx jidhru li fil-prattika dawn sejrin iseħħu, l-aktar minħabba li koalizzjonijiet immexxija mis-CDU awtomatikament jibagħtu l-messaġġ li qiegħda tiġi injorata r-rieda tal-poplu, aktar u aktar bid-diskatt fil-popolarità li hemm bejn Sholtz u Lascett skont surveys li saru ftit qabel l-elezzjoni.

X’wassal għal dan ir-riżultat?

Minkejja l-impressjoni li Angela Merkel kienet xi kanċilliera li laħqet lil Bismarck u lil Helmut Kohl f’dawk li huma mira milħuqa fil-karriera tagħha, issa qegħdin jidhru ħafna xquq li sejra tħalli warajha. Ħafna mill-problemi li l-kanċillier il-ġdid sejjer jiret mingħand Merkel huma konsegwenza tal-politika ta’ kompromessi li hija dejjem użat kemm fl-isfera domestika kif ukoll f’dik internazzjonali. Skont ħafna analisti tal-politika Ġermaniża, Merkel kienet l-aktar kanċillier fl-istorja tal-Ġermanja li kien idum itawwal sabiex jieħu deċiżjoni. Fil-fatt, Merkel naqset li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet jaħarqu bħal dik tar-riforma tant meħtieġa fill-pensjonijiet u anke fuq in-nuqqas ta’ investiment fit-teknologija kif ukoll fir-riżorsi umani fiċ-ċivil. Il-politika ta’ Merkel żammet lura ukoll deċiżjonijiet tant meħtieġa rigward il-protezzjoni ambjentali, bil-Ġermanja hija wieħed mill-aktar pajjiżi fl-unjoni li jipproducċ gassijiet tossici ras għal ras. 

Fil-politika internazzjonali Merkel naqset milli tidderieġi lill-Unjoni Ewropea sabiex jaddotta politika iebsa biżżejjed rigward ir-Russja. Tant huwa hekk li Merkel kemm-il darba kienet ikkritikata bl-aħrax mill-mexxejja Ewropej fuq il-ftehim li għamlet ma’ Putin fuq ix-xiri ta’ gas naturali. 

Fuq kollox, il-partit Demokristjan spiċċa fit-tieni post minħabba li għall-ewwel darba f’ħafna żmien, madwar miljun vot minn tiegħu fdaw lill-Partit Soċjal Demokratiku. Din il-fiduċja ġiet l-ewwel u qabel kollox minħabba Olaf Sholtz li fl-aħħar leġiżlatura kien serva b’tant suċċess fil-kariga ta’ Ministru tal-Finanzi.

Sport