Saturday, October 26, 2024

Iżżewwiġha għall-konvenjenza biex jibqa’ jgħix Malta

Aqra wkoll

Il-Qorti Ċivili (Sezzjoni Familja) preseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima annullat żwieġ bejn koppja wara li ddeċidiet li r-raġel kien abbuża mill-ġenwinità tal-mara sabiex huwa jibqa’ jirrisjedi hawn Malta u eventwalment jikseb ċittadinanza Maltija.

Kienet il-mara li fetħet kawża quddiem il-Qorti tal-Familja fejn talbet għall-annullament. Mill-provi li tressqu fil-Qorti jirriżulta li-partijiet kienu ltaqgħu fl-2022, waqt li r-raġel kien qiegħed Malta bil-ħsieb li jintgħażel biex jilgħab f’tim Malti tal-futbol. Wara biss xahar, il-mara ħarġet tqila bl-ewwel wild tal-partijiet u żżewġu f’Diċembru tal-istess sena fir-Reġistru Pubbliku.

Permezz ta’ affidavit, il-mara xehdet kif meta hi u r-raġel marru jirrisjedu flimkien f’appartament, huwa kien ikun vjolenti magħha u għarfet verament x’tip ta’ persuna kien.

Tgħid li ġimgħa qabel welldet lil binhom, huwa kien taha daqqa ta’ ħarta fuq wiċċha, tant li bl-impatt waqgħet mal-art. Dan filwaqt li kien jinsulentaha b’mod kontinwu għaliex ma kinitx issajjar l-ikel li kien iħobb.

Wara biss xahar mit-twelid tal-minuri, hija kellha tfittex xogħol sabiex tmantni lilha nfisha u lil binha. Dan għaliex qalet li r-raġel irrifjuta li jħallas il-kera jew li jixtri l-affarijiet essenzjali għat-tarbija.

Fil-fatt, hija spiċċat taħdem tliet xogħlijiet waqt li sħabha kienu jżommu lill-minuri. Qalet li minħabba dan l-istress kollu, hija spiċċat biex tilfet it-tieni tarbija tagħha. Sadanittant, issoktaw l-episodji ta’ vjolenza fil-konfront tagħha, u allegat li r-raġel kien isakkar lilha u lill-minuri f’kamra u kien jagħtihom biss barmil u biċċa ħobż x’jieklu. Dawn l-episodji ta’ vjolenza ssoktaw anke meta twieldet it-tifla tagħhom.

Il-mara saħqet ukoll li r-raġel kien għamel xi żmien il-ħabs minħabba drogi u meta ħareġ kien bħal “bniedem riformat u kien jagħmel ħafna ħin id-dar magħhom.” Fil-fatt, kellhom żewġt itfal oħra, iżda din is-sitwazzjoni ma damitx wisq u r-raġel allegatament reġa’ beda jkun vjolenti magħha.

Tixhed li r-raġel qatt ma pprovda għat-tfal u fil-fatt kien jisħaq magħhom sabiex ma jgħajtulux papa’ iżda xi ħaġa oħra. Hija tisħaq li r-raġel abbuża mill-inġenwità u l-età żgħira tagħha u li dan iż-żwieġ kien biss wieħed ta’ konvenjenza għalih.

Qabel ġiet biex tiddeċiedi, il-Qorti nnotat li r-raġel kien kontumaċi f’dawn il-proċeduri iżda ngħata l-fakultà li jintavola nota ta’ sottomissjonijiet. Fil-fatt, f’Mejju li għadda, ir-raġel ippreżenta nota fejn indika li ma kellu l-ebda oġġezzjoni għall-annullament. Minkejja li ma kienx hemm oġġezzjoni min-naħa tiegħu, il-Qorti xorta waħda saħqet li kellha teżamina l-meritu tat-talbiet tal-mara.

Il-Qorti qalet li mix-xhieda tal-mara kien evidenti li kull darba li hija kienet tiddeċiedi li se twaqqaf ir-relazzjoni, huwa kien jagħmel minn kollox sabiex ibiddlilha fehmtha għaliex kien konxju tal-fatt li l-permanenza tiegħu f’Malta tiddependi fuq il-permenanza taż-żwieġ tiegħu magħha.

“Mix-xhieda mhux kontestata tal-mara u dik ta’ ommha, huwa evidenti li ż-żwieġ kien wieħed purament ta’ konvenjenza għar-raġel u li l-kunsens tiegħu kien biss wieħed simulat,” kompliet tgħid il-Qorti li nnutat kif għalkemm il-partijiet kellhom erbat itfal, dawn għalih kienu biss għodda biex iżomm lill-mara f’dan iż-żwieġ u konsegwentement huwa jibqa’ jirrisjedi Malta.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li ż-żwieġ kien dikjarat bħala wieħed null.

Sport