Il-winger ta’ Manchester United, Jadon Sancho, mhux se jitħarreġ mal-ewwel team sakemm jiġu solvuti l-kwistjonijiet mal-manager Erik ten Hag.
Ten Hag ħalla lil Sancho barra mill-iskwadra tiegħu fit-telfa f’Arsenal aktar kmieni dan ix-xahar, u qal li l-prestazzjonijiet tat-taħriġ tiegħu ma kienux tal-livell mixtieq.
Sancho, ta’ 23 sena, ċaħad ir-raġunament tal-Olandiż u sostna li kien ilu “il-ħaruf tas-sagrifiċċju għal żmien twil”.
Fi stqarrija l-United qalu li Sancho se jkun fuq “programm ta’ taħriġ personali lil hinn mill-ewwel team”.
L-istqarrija żiedet tgħid li d-deċiżjoni ttieħdet “sakemm tiġi solvuta kwistjoni ta’ dixxiplina tal-iskwadra.”
L-aħbar tasal f’ġimgħa fejn attakkant ieħor tal-United, Antony, ukoll ġie sfurzat jirtira mid-dmirijiet tal-ewwel team fost allegazzjonijiet ta’ abbuż domestiku li saru mill-eks sieħba tiegħu.
Sancho ngħaqad mar-Red Devils mingħand Borussia Dortmund għal £73m fl-2021.
Iżda huwa tħabat biex isib il-forma f’Old Trafford u skorja biss disa’ goals u pprovda biss sitt assists fit-58 dehra tiegħu fil-Premier League.