Friday, March 1, 2024

Jake Castaldi u Steven Muscat jirbħu l-premju Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Novembru 2023

Aqra wkoll

Jake Castaldi u Steven Muscat ingħataw l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Novembru. Castaldi u Muscat huma ċ-champions Ewropej tal-blackball fil-kategoriji ta’ taħt il-ħmistax u t-tmintax-il sena rispettivament. Huma kienu wkoll kienu parti mit-tim Malta A ta’ taħt it-tmintax-il sena li wkoll saru champions waqt il-Kampjonati Ewropej tal-Blackball organizzati f’pajjiżna bejn l-1 u t-8 ta’ Novembru.

Jake Castaldi sar champion ta’ taħt il-ħmistax-il sena meta fil-finali għeleb lill-plejer minn Wales Mason Lorey 6-1, filwaqt li Steven Muscat sar champion ta’ taħt it-tmintax-il sena meta fil-finali ħareġ rebbieħ kontra l-Ingliż Solly Simpson 6-3.

It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Novembru 2023, flimkien mal-voucher t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju, ġew ippreżentati lir-rebbieħa minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Membru tal-Kumitat Eżekuttiv Mark Muscat.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ritratt: Mix-xellug: Mark Muscat (MSJA), Jake Castaldi u Steven Muscat u Robert Micallef (Atlas Insurance)

Ekonomija

Sport