Thursday, December 26, 2024

JAKE TA’ ISPIRAZZJONI GĦAL ĦAFNA 

Aqra wkoll

L-aħbar li lbieraħ ħalla din id-dinja Jake Vella ġriet bħal leħħa ta’ berqa. Tfajjel li seraq il-qlub ta’ bosta li fl-aħħar snin segwew mill-qrib l-istorja tiegħu anke minħabba d-determinazzjoni li kellu biex jegħleb il-kundizzjoni tar-Rapid-onset Obesity with Hypothalamic dysfunction. Din hija kundizzjoni li taffettwa l-aktar lit-tfal u hemm biss madwar 100 każ ikkonfermat madwar id-dinja.

Minkejja l-kundizzjoni li kellu, din ma naqqsitx l-ispirtu pożittiv tiegħu. Tant hu hekk li kien atleta ta’ ispirazzjoni u attivist favur id-drittijiet tal-annimali fejn kien jgħin biex jinġabru fondi għal kawżi ġusti. Dan juri l-altruwiżmu li kellu lejn għajru u anke lejn l-annimali sabiex jaħdem u jkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor, bil-mod ta’ kif seta’. 

Kif kien xieraq huwa kien maħbub ħafna u riflessjoni ta’ dan kienu l-għadd kbir ta’ kummenti li ttellgħu fuq il-midja soċjali fejn filwaqt li sellmu l-memorja tiegħu, kulħadd jgħid kemm serva ta’ ispirazzjoni u wera bl-aktar mod ċar kemm wieħed m’għandux jaqta’ qalbu u jibqa’ jissielet anke fil-mumenti l-aktar diffiċli u ta’ sfida. 

Minkejja li Jake kien konxju tal-kudizzjoni tiegħu u l-piż li kien iġorr, huwa serva ta’ ispirazzjoni u wera l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku li fuq kollox huwa ta’ benefiċċju kbir għas-saħħa tan-nies. Għaldaqstant aħna ningħaqdu ma’ dawk kollha li sellmu l-memorja ta’ Jake għal dak li kien u l-kuraġġ li kellu li wassluh biex anke jikser diversi rekords nazzjonali fejn fost l-oħrajn kien għamel għawma ta’ 100 kilometru ġewwa pixxina. 

It-telfa ta’ Jake qanqlet anke reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li ddeskrivieh bħala persuna li ħalla impatt fuq bosta nies u dejjem ħsiebu biex jgħin lil ħaddieħor aktar milli jfittex l-għajnuna għalih personali. Aħna nħeġġu lin-nies biex jimxu fuq l-eżempju li ħalla warajh dan it-tfajjel li wera li ma kienx jaqta’ qalbu quddiem id-diffikultajiet li kien affaċċjat bihom.

L-eżempju ta’ Jake ma kienx jirrifletti biss għal persuni li jbatu mill-istess kundizzjoni li kellu hu, imma firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet mediċi fejn hu wera li fejn hemm ir-rieda hemm ukoll il-motivazzjoni biex dak li jkun, idawwar f’realtà x-xewqat u l-aspirazzjonijiet li jinħolqu minn żmien għal żmien.

Ekonomija

Sport