Saturday, December 21, 2024

Jammetti li hedded lil ommu

Aqra wkoll

Żagħżugħ ammetta fil-Qorti li bagħat messaġġi ta’ theddid lil ommu wara li din injorat il-messaġġi tiegħu fejn staqsieha jekk għadhiex tħobbu.

L-inċident seħħ nhar it-Tnejn li għadda meta ż-żagħżugħ ta’ 22 sena mill-Qrendi bagħat messaġġ lil ommu li kien jgħid: “Għadek tħobbni?”.

L-omm jidher li injoratu u dan wassal biex l-imputat jibgħatilha sensiela ta’ messaġġi oħra. Biex jiġbed l-attenzjoni ta’ ommu allegatament kitbilha li “ried joqtolha”, u dwar dan l-omm marret tagħmel rapport mal-pulizija.

L-imputat li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ammetta li kkaġuna lil ommu biża’ li se tintuża’ vjolenza kontriha, li insulentaha u heddedha u li għamel użu ħażin minn tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika. 

L-Avukat Jason Azzopardi, li deher għall-imputat, spjega li l-klijent tiegħu jsofri mill-kundizzjoni tal-ADHD. Qal li għalkemm jgħix ma’ missieru, l-imputat kellu l-appoġġ ta’ qraba oħra li kienu preżenti fil-Qorti. 

Qabel tagħti s-sentenza, il-Qorti ordnat li jsir pre-setencing report fil-konfront tal-imputat. Sadanittant, huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €200 u garanzja personali ta’ €3,800. Huwa ġie ordnat ukoll biex jiffirma l-Għassa darba fil-ġimgħa. 

“Omm waħda għandek. Ħu ħsiebha,” kien il-parir tal-Maġistrat Joseph Mifsud lill-imputat.

Ekonomija

Sport