Monday, May 13, 2024

Jason Azzopardi jirrinunzja r-rwol tiegħu li jassisti lil Repubblika fil-kawża kontra s-suldati tal-Forzi Armati

Aqra wkoll

Aġġornat bl-istqarrija tal-Partit Laburista

Jason Azzopardi se jkun qed jirrinunzja mir-rwol tiegħu li jassisti legalment lill-għaqda Repubblika fir-rigward tal-każ pendenti li hemm fil-konront ta’ membri mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Kien Azzopardi stess li ħabbar dan fi stqarrija, li fiha attakka lill-Prim Ministru Robert Abela u akkużah li qed imexxi kampanja razzista u orkestrata biex jintimida lil kull min jiqaflu.

Tenna li huwa ħa d-deċiżjoni minħabba li bl-ebda mod ma ried l x-xogħol professjonali tegħu bħala avukat jintuża bħala arma fil-konfront tal-Oppożizzjoni u l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Fl-istess waqt, b’referenza għal każijiet oħrajn futuri, Azzopardi qal li jekk dawn ikunu politikament sensitivi allura huwa jikkonsulta mat-tmexxija tal-PN jabel jaċċetta tali inkarigi legali.

Il-PL: Jason Azzopardi huwa responsabbli u jrid iwieġeb ta’ għemilu

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista saħaq li Azzopardi huwa responsabbli għall-azzjoni mitluba li ttieħed fil-konfront ta’ suldati tal-Forzi Armati, tal-Brigadier u l-Prim Ministru fejn talab li lkoll ikunu investigati fuq omiċidju volontarju u mitfugħa għal għomorhom il-ħabs.

Il-PL żied jgħid li Azzopardi l-ewwel kien pront jagħmel l-akkuża, “imbagħad wara li rriżulta li kienet falza mar jipprova jinħeba, iżda l-ebda stqarrija li joħroġ jew kelma li jgħid ma qatt tista’ tiskolpah minn dan l-att ta’ stemerrija li għamel motivat minn mibgħeda politika.”

L-istqarrija żżid tgħid li ma jistax ikun li Kelliem għall-Ġustizzja jaħrab mill-inġustizzja li wettaq huwa stess b’għemilu u b’kitbietu fil-konfront ta’ min jaħdem lejl u nhar b’risq il-pajjiż. “L-akkuża ta’ qtil mhijiex akkuża kwalunkwe, hija akkuża gravi li ġġib konsegwenzi kbar.”

Il-PL żied jgħid li l-azzjoni ta’ Azzopardi titfa’ responsabilità kbira fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li min-naħa tiegħu ma jistax iħalli dan il-każ għaddej.

Sport