Jean Claude Micallef ġie maħtur Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) sal-aħħar tas-sena 2027.
Is-Sur Micallef mistenni jimplimenta struttura u strateġija fi ħdan l-Awtorità biex jindirizza l-prijoritajiet identifikati mill-Bord tal-AIMS, filwaqt li mistenni jaħdem fuq kampanji edukattivi biex isaħħaħ l-isforzi tal-Awtorità fost il-ġenerazzjonijiet, u jkun assigurat ambjent sportiv san u b’saħħtu f’pajjiżna.
Riċentament Jean Claude Micallef serva wkoll bħala Membru Parlamentari fejn kien ikkontribwixxa għat-twaqqif tal-AIMS lura fl-2022. Hu kellu diversi rwoli amministrattivi fi ħdan għaqdiet sportivi u wkoll kellu karriera bħala atleta fid-dixxiplina tal-atletika.
Jean Claude Micallef huwa imprenditur u xandar professjonali, fejn kien fdat biex imexxi kumpaniji privati u proġetti fis-setturi tax-xandir, reklamar, marketing u anke fis-settur tal-catering.
L-ewwel prijorità mħabbra mill-Kap Eżekuttiv il-ġdid hija li jpoġġi lill-Awtorità f’kollaborazzjoni eqreb ma’ dawk kollha involuti biex l-AIMS issir Awtorità aktar effiċjenti. Micallef mistenni wkoll jaħdem biex jissimplifika l-proċessi ta’ konformità u reġistrazzjoni legali għall-federazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet sportivi.
Flimkien mal-membri tal-bord mmexxija miċ-Ċermen l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, is-Sur Micallef indirizza għall-ewwel darba lill-ħaddiema tal-Awtorità fejn iddikjara li se jaħdem biex itejjeb l-operat permezz ta’ struttura aktar dinamika li twassal għal riżultati għall-komunità sportiva, filwaqt li jżid l-għarfien edukattiv fost is-soċjetà Maltija fil-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni u manipulazzjoni fl-isport kif wkoll fil-ġlieda kontra d-doping.
Is-Sur Micallef tenna li l-Awtorità se tkun qed tara li kull atleta jkun imħares minn abbużi oħra fi ħdan faċilitajiet sportivi madwar il-gżejjer Maltin u se taħdem bla waqfien biex tiżgura li Malta tikseb l-ogħla suċċess fl-istandards tal-integrità fl-isport minkejja l-isfidi eżistenti.