Wednesday, May 13, 2026

Jeffrey Mifsud … għalih u t-tim tiegħu, iż-żamma tal-post fin-NAL 1 tista’ tkun pedament importanti għall-futur aktar stabbli u kompetittiv

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Meta Pembroke Athleta rebħu d-decider kontra Xgħajra Tornados bl-iskor minimu ta’ 1-0 fil-Victor Tedesco Stadium fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-ferħ kien wieħed kbir. Ir-rebħa din id-darba ma kinitx tfisser tliet punti jew logħba mirbuħa.

Kienet tfisser salvazzjoni u għalhekk kontinwità fil-BOV National Amateur League 1 u premju għall-ħidma li saret tul staġun diffiċli ferm.

Il-kowċ Jeffrey Mifsud, li jinsab fit-tielet staġun tiegħu fit-tmexxija ta’ Pembroke Athleta, tkellem b’sodisfazzjon wara dan is-suċċess importanti.

“L-istaġun intemm is-Sibt li għadda fuq nota pożittiva ħafna. Kien staġun li ppreparajna għalih sew, iżda konna nafu li se jkun diffiċli għax kull tim beda jarma u jsaħħaħ l-iskwadra tiegħu. Il-fatt li kienu se jaqgħu erba’ timijiet għamel il-ġlieda għall-punti waħda twila u intensiva,” qal Mifsud.

Pembroke spiċċaw fl-għaxar post tal-klassifika bi 28 punt, wara kampanja mimlija tlajja’ u nżul. Minkejja kollox, it-tim baqa’ jiġġieled sal-aħħar biex iżomm postu fil-kampjonat.

“Il-livell tal-kampjonat kien sostanzjalment ogħla minn snin oħra. Kull logħba kienet diffiċli u kull punt kien importanti. Fid-decider kontra Xgħajra Tornados kellna quddiemna tim li bl-istess elementi aktar kmieni fl-istaġun kien spiċċa mal-ewwel sitta.

Dan jurik kemm kienet kompetittiva s-sitwazzjoni f’dan il-kampjonat.”

Il-gowl deċiżiv tal-plejer Brażiljan Weverton fil-65 minuta kien biżżejjed biex jagħti rebħa kruċjali lil Pembroke. Madankollu, il-kowċ ta’ esperjenza sostna li s-suċċess ma ġiex b’kumbinazzjoni.

“Il-wirjiet tagħna ma kinux dejjem konsistenti. Kellna elementi pożittivi u oħrajn negattivi. Kien hemm mumenti fejn konna nilagħbu tajjeb ħafna u oħrajn fejn ir-ritmu tagħna kien jieqaf kompletament. Dik kienet xi ħaġa li ma kontx kuntent biha.”

Mifsud spjega li wieħed mill-akbar problemi tat-tim kien proprju n-nuqqas ta’ kontinwità.

“Xi drabi konna nibdew tajjeb ħafna, imma mbagħad nitilfu r-ritmu jew il-kunfidenza. Dik l-inkonsistenza kienet xi ftit partikolari tul l-istaġun.”

Madankollu, kien hemm ukoll aspetti pożittivi li taw kuraġġ lill-kowċ u lill-klabb. Waħda minnhom kienet il-wirja fil-Meridianbet FA Trophy, fejn Pembroke taw wirja qalbiena kontra Valletta FC.

“Fl-FA Trophy kellna wirja tajba ħafna kontra Valletta FC. Dawk huma logħbiet li jgħinu lill-plejers jikbru u jemmnu aktar fihom infushom.”

Interessanti biżżejjed, Pembroke kisbu 14-il punt f’kull round tal-kampjonat, għal total ta’ 28 punt. Għalkemm din il-konsistenza numerika tista’ tidher pożittiva, Mifsud xorta jħoss li t-tim seta’ għamel aħjar.

“Konna kapaċi nakkwistaw 14-il punt f’kull round, iżda nemmen li f’ċerti mumenti stajna ksibna aktar kieku żammejna l-istess intensità u mentalità.”

Tul l-istaġun, il-klabb għamel ukoll xi investimenti importanti fl-iskwadra. Wieħed mill-aktar akkwisti notevoli kien dak ta’ Samuel Saldanha mingħand Birżebbuġa St Peter’s wara li dan kien spiċċa bħala l-aqwa skorer b’16-il gowl.

“Iffirmajna lil Samuel Saldanha li kien top scorer bi 16-il gowl, iżda fil-kampjonat magħna ma skorjax. Dak jurik kemm kultant il-futbol ikun imprevedibbli.”

Minkejja dan, il-kowċ qal li qatt ma tilef il-fiduċja fil-plejers tiegħu. “Kien hemm mumenti fejn iddubitajna ftit u ma bdejniex nemmnu biżżejjed fina nfusna, iżda jien dejjem ippruvajt nagħti motivazzjoni ġdida lill-iskwadra.”

Pembroke kellhom ukoll skeda impenjattiva ferm. Mifsud irrimarka kif it-tim tiegħu kien wieħed mill-ftit flimkien ma’ Victoria Hotspurs li kellu jilgħab tliet logħbiet fi żmien sebat ijiem.

Mifsud sostna wkoll li l-karattru tal-iskwadra kien kruċjali fil-mumenti diffiċli tal-istaġun. “Kellna grupp magħqud li baqa’ jaħdem sal-aħħar minkejja l-pressjoni kbira. F’mumenti delikati rajt plejers jieħdu aktar responsabbiltà u dan għen biex nibqgħu nemmnu sal-aħħar ġurnata. Dik il-mentalità kienet fundamentali biex irnexxielna niksbu s-salvazzjoni.”

“Aħna mhux tim tal-Premier, iżda xorta kellna ngħaddu minn fixtures diffiċli ħafna. Dawn huma esperjenzi li jgħinuna nikbru bħala klabb u bħala skwadra.”

Wieħed mill-punti li l-kowċ huwa l-aktar kburi bih huwa l-iżvilupp taż-żgħażagħ. Mifsud ilu jaħdem mhux biss biex iżomm lit-tim fil-kampjonat, iżda wkoll biex jibni futur sostenibbli għall-klabb.

“Aħna skwadra żgħira u nemmen ħafna fit-talent Malti. Meta naraw żagħżugħ jipprometti, nagħtuh opportunità. Għalija mhux kollox ir-riżultat immedjat. Irridu nibnu plejers għall-futur ukoll.”

Din il-filosofija kienet ċara matul dawn l-aħħar tliet snin fit-tmexxija tiegħu. Fil-fatt, is-sena li għaddiet huwa kien diġà mexxa lil Pembroke biex iżommu posthom fil-kampjonat, filwaqt li kompla jaħdem fuq il-youth development u l-passaġġ bejn iż-żgħażagħ u l-kbar.

“Il-plejers kibru u mmaturaw ħafna. Dawn huma affarijiet li jagħtuni sodisfazzjon personali bħala kowċ.”

Mistoqsi dwar il-futur tiegħu mal-klabb, Mifsud żamm saqajh mal-art. “Dan kien it-tielet staġun tiegħi ma’ Pembroke. Issa naraw x’se jkun il-futur. Bħalissa rrid ngawdi ftit dan il-mument għax ma kinitx sena faċli.”

Madankollu, ħaġa waħda hija ċerta: is-salvazzjoni ta’ Pembroke Athleta ma ġietx biss permezz ta’ rebħa waħda, iżda kienet il-frott ta’ staġun ta’ ġlieda, sagrifiċċju u determinazzjoni.

Għal Jeffrey Mifsud u t-tim tiegħu, iż-żamma tal-post fin-National Amateur League 1 tista’ tkun pedament importanti għall-futur aktar stabbli u kompetittiv.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport