Wednesday, May 13, 2026

L-Unjoni Ewropea se tieħu aktar ħin biex tieħu azzjoni fuq il-midja soċjali fejn jidħlu t-tfal

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea se tkun qiegħda tieħu aktar ħin biex tieħu miżuri fuq il-midja soċjali fejn jidħlu t-tfal. Qalet dan il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waqt li kienet qiegħda titkellem waqt laqgħa għolja f’Copenhagen.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li l-leġiżlazzjoni l-ġdida fejn tidħol il-midja soċjali u t-tfal se tieħu aktar ħin hekk kif grupp ta’ esperti qegħdin iħejju rapport li mistenni li jiġi ppreżentat f’Lulju li ġej.

Minkejja dan xorta waħda diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mhux qegħdin jistennew lil Von der Leyen biex tieħu azzjoni hekk kif huma stess ressqu liġijiet li jipproteġu lit-tfal mill-midja soċjali.

Waqt il-laqgħa għolja, Von der Leyen qalet li “d-diskussjoni dwar kemm trid tkun l-età minima biex wieħed jidħol fuq il-midja soċjali ma tistax tibqa’ tiġi njorata.”

S’issa għaxar pajjiżi tal-Unjoni Ewropea diġà daħlu liġijiet li fihom hemm età minima ta’ kemm persuna tista’ jibda’ jkollha aċċess għal midja soċjali.

L-aħħar pajjiż li daħħal miżuri simili kienet l-Awstrija hekk kif f’Diċembru li għadda ħabbret li ħadd taħt is-16-il sena ma jista’ jkollu aċċess għal midja soċjali.

Ir-Renju Unit għalkemm mhux membru tal-Unjoni Ewropea wkoll għandu pjanijiet biex idaħħal miżuri simili. Fil-fatt, fir-Renju Unit għaddejja konsultazzjoni nazzjonali li mistennija tagħlaq fis-26 ta’ Mejju li ġej.

Franza wkoll qiegħda tmexxi liġijiet f’dan is-sens, fejn hemm il-pjani huma li sa Settembru li ġej l-ebda persuna taħt il-15-il sena ma hu se jkollha aċċess għal midja soċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport