Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet fl-età ta’ seba’ snin, meta z-ziju kien saqsieni jekk nixtiqx nibda nitħarreġ fil-futbol. Kien minn hemm, li bdejt nitħarreġ mat-tim ta’ pajjiżi, Zabbar St Patrick.
Iktar ma għadda ż-żmien, l-imħabba lejn il-logħba tal-futbol kompliet tikber, kif ukoll is-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni li tirrikjedi l-logħba tal-futbol.
X’tikkummenta fuq ir-rebħ tal-Amateur Cup minn Qormi FC?
Kuntenti li rnexxielna nġibu unur lejn il-klabb ta’ Qormi FC. Għalkemm l-għan prinċipali tal- promozzjoni ma ntlaħaqx, kien importanti għalina li nagħlqu l-istaġun bl-aħjar mod possibli.
X’tikkummenta fuq l-andament ta Qormi FC matul l istaġun li għadda b’mod ġenerali u anke għalik personali?
L-għan prinċipali tagħna ovvjament kien il-promozzjoni li ma rnexxilniex niksbu. Id-diżappunt huwa hemm, speċjalment meta titlef promozzjoni għal żewġ punti biss. Peró, il-futbol magħmul minn marġini żgħar u kien hemm mumenti u perjodi tul l-istaġun li stajna kkontrollajna aħjar.
Peró, għalaqna l-istaġun bl-unur tal-Amateur Cup li fiha nnifisha kkonfermat il-kwalitá li kien hemm fl-iskwadra u li stajna għamilna aħjar f’dan l-istaġun. Għalija personali kien staġun pożittiv fejn wara żewġ staġuni sbieħ fil-karriera tiegħi mal-klabb li tant għandi għal qalbi, Zabbar St Patrick, kienu diffiċli u mtapnin b’injuries li sfurzawni nitlef ħafna mil-logħob.
Għalhekkk din is-sena kien test importanti biex nikkonferma li għadni nista’ nilgħab b’mod regolari mingħajr injuries. Kien qed jirnexxieli u kien qed ikolli staġun tajjeb, inkluż l-aqwa staġun personali fejn jidħol kontribut tiegħi fejn jidħlu gowls skurjati sakemm imbagħad sofrejt injury sfortunata fl-iktar perjodu kruċjali tal-kampjonat u tlift kważi t-tieni rawnd kollu.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-futbol Malti nemmen li mexa ‘l quddiem, sforz anke tal-investiment li qed jagħmlu l-klabbs fejn jidħlu faċilitajiet u plejers. Però fl-opinjoni personali tiegħi, hemm ħafna iktar xi jsir u hemm ħafna opportunitajiet fejn nistgħu nkomplu ntejbu l-kwalità u l-livell tal-futbol Malti, speċjalment fejn jidħol talent lokali.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ovvjament, din is-sena l-grawnds kienu ta’ kwalità għolja għaliex il-maġġoranza tal-partiti intlagħbu fl-Istadium Nazzjonali u fit-Tony Bezzina Stadium. Però mhux sigriet li aħna pjuttost limitati fejn jidħlu pitches ta’ kwalità u nieħu pjacir nara li l-MFA kontinwament tinvesti biex ittejjeb il-livell tal-pitches ġewwa pajjiżna, inkluż l-investiment li tħabbar riċenti għall-Istadium Nazzjonali.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?
Bħalissa qed naħdem biex nirkupra minn din l-injury u nipprepara bl-aħjar mod possibli għall-istaġun li ġej. Ovvjament iktar ma jgħaddi żmien, iktar qed noqrob lejn l-aħħar tal-karriera tiegħi bħala plejer peró għadni bl-istess motivazzjoni u ambizzjoni li nibtet l-imħabba tiegħi lejn il- futbol. Għalhekk qed ingawdi dawn l-aħħar staġuni u fl-istess ħin nipprepara u nkompli nitħarreġ u nitgħallem bħala kowċ biex nikkontribwixxi f’akkademija u ngħaddi l-imħabba u l-esperjenza tiegħi fil-futbol lit-tfal.
Il-kowċing hija xi ħaga li tinteressani. Diġà kelli l-opportunità li naħdem fl-akkademja ta’ Zabbar SP, u l-pjan hu li nibqa’ nitħarreġ u nkompli nibni l-karriera tiegħi bħala kowċ fl-akkademji. Jekk għadx inkun kowċ ta’ tim tal-kbar huwa wisq kmieni u ‘l bogħod għaliex nemmen li dejjem għandek tibda u titla’ tarġa tarġa.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Mhux ħa nkun l-ewwel wieħed li ngħaddi dan il-messaġġ. Però nemmen li huwa messaġġ importantissimu. Taqtgħu qalbkom qatt. Ma jfissirx li għax ta’ għaxar snin ma tkunx fost l-aqwa plejers, ifisser li ħa tkun diffiċli li jkollok karriera ta’ suċċess fil-futbol. Smajna ħafna stejjer fejn plejer ikunu jippromettu u sfortunatament itemmu l-karriera ta’ età żgħira għal raġunijiet diversi, inkluż għax tipprova titla’ għaxar tarġiet flokk tarġa tarġa, jew għax insibu lil minn jaqtagħlna qalbna.
Hawn ħafna stejjer ta’ suċċess li tistgħu tħarsu u taspiraw li tirnexxu bħalhom. Nieħu minni, jien qatt ma kont l-iktar plejer tekniku, jew l-iktar plejer attraenti fil-logħba tiegħi, però dejjem tajt dak kollu li naf u dejjem tajt qalbi kull fejn kont, u fuq kollox dejjem kont lest li nisma’ mill-kowċis biex inkompli nitgħallem. Għadni sa issa stess nitgħallem affarijiet ġodda. U għal minn jaqtagħlkom qalbkom, użawha bħala arma biex tagħtikom iktar saħħa u motivazzjoni biex tirnexxu fil-ħajja!


