Monday, March 10, 2025

Jeffrey Mifsud … kowċ ta’ Pembroke Athleta FC

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn etá żgħira konna nilagħbu bil-ballun fit-triq, il-MUSEUM, fuq iz-zuntier tal-knisja, Playing Fields, eċċ. Kull fejn insibu spazju konna nilagħbu. Kelli membru tal-familja li kienu jilagħbu u allura kont nispiċċa mmur narahom jilagħbu, sakemm imbagħad bdejt nilgħab jien ukoll logħob kompetittiv Under 16 u Under 18 fil-Youth FA.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ Pembroke Athleta FC.

Esperjenza impenjattiva ħafna. Dan għaliex il-klabb għaddej minn transizzjoni u jien ġejt fdat tim li kien mimli ħafna żgħażagħ u li trid iż-żmien sabiex wieħed isib l-aħjar bilanċ. Prezentament ninsab fit-tieni staġun tiegħi ma’ dan il-klabb wara li l-istaġun passat bħala tim irnexxielna nżommu postna fin-National Amateur League 1, tragward li kien diffiċli imma flimkien irnexxielna nilħqu t-tragward tagħna.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

L-istagun preżenti huwa wieħed diffiċli, biss kuntent ħafna bit-titjib li wieħed jista’ jara fil-plejers li huma l-protagonisti tat-tim, kemm mil-lat individwali imma aktar minn hekk mil-lat kollettiv. Wara l-istaġun passat rajna flimkien mal-istaff tekniku x’għandu bżonn it-tim u qegħdin naħdmu biex dejjem għada nkunu aħjar mil-lum.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

L-għan prinċipali tagħna huwa dak li nżommu postna fin-National Amateur League 1. Bħalissa ninsabu nilagħbu mal-aħħar għaxra u kul logħba hija deċiżiva għalina. Mhux se tkun faċli iżda flimkien bħala familja u grupp ta’ plejers li għandna, jien inwiegħed li se nibqa’ naħdem ħalli dan l-istaġun nispiċċawh fuq nota tajba.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Kull persuna għandu idea u perspettiva ta’ dak kollu li wieħed ikun irid jasal għalih. Jiena ngħid li l-futbol Malti evolva ma’ trends Ewropej, fiżika, veloċitá, duelli 1vs1’s, iżda naqset it-teknika individwali. Fil-kampjonati Maltin mill-Malta Premier san-NAL2 importanti li jkollok barrani jew barranini li jagħmlu differenza u allura t-tim ikun aktar kompetittiv. Li hu żgur hu li l-livell ta’ kowċing fost il-Maltin kiber ħafna u llum għandna ħafna kowċis Maltin li jeċċellaw u dejjem ippreparati.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Pembroke inħoss li jiena fortunat li għandna faċilitajiet tajbin. Senior Team dejjem allokat full pitch u dik tgħin sabiex is-sessjoni tkun tista’ tipprogressa b’mod effiċjenti mingħajr telf ta’ ħin. Żgur li kull amminstratur jew Grounds Manager iridu jibqgħu jaħdmu sabiex il-livell ikompli jitjieb u allura jkollna standards aċċettabli.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-ħajja ta’ kowċ hija diffiċli sabiex tbassar x’futur jista’ jkun hemm fl-orizzont. Biss jien dejjem lest u ppreparat għal kull sfida jew proġett fejn nista’ nittrażmetti dik il-passjoni, Man Management u ppjanar li huma rekwiżiti importanti sabiex wieħed jista’ jkun effettiv fil-missjoni tiegħu ta’ kowċ.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Kun lest għas-sagrifiċċju u ħafna ħin ‘il bogħod mill-familja, filwaqt li ma tistenna xejn aktar għaliex ħafna drabi fil-futbol aktar kelli diżappunti milli ferħ. Imma bl-għajnuna tal-familja u tal-Mulej dejjem imxejna ‘l quddiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport