Wednesday, December 25, 2024

Jeħel 4 snin ħabs talli seraq Rolex u €9,000 minn dar

Aqra wkoll

Juanito Jimenez ta’ 29 sena residenti l-Ħamrun ġie kkundannat 4 snin ħabs wara li nstab ħati li seraq arloġġ Rolex u €9,000 fi flus kontanti minn residenza fix-Xgħajra.

Hu kien akużat ma’ Josef Buttigie li f’April tas-sena l-oħra wettaq din is-seraq. Ġie akkużat ukoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti meta kien ingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ sitt każijiet oħra u li rrenda ruħu reċidiv.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Doreen Pickard li fis-17 ta’ April tal-2023, raġel kien mar l-għassa jagħmel rapport li xi ħadd kien daħal f’daru u seraqlu €9,000 u arloġġ Rolex li jiswa mas-€17,000. Dakinhar ir-raġel kien allega li kien sab iċ-ċertifikat tar-Rolex miftuħ mal-art, iżda l-arloġġ li kien miżmum f’basket blu kien nieqes. Fl-istess basket kien hemm €9,000 fi flus kontanti.

Meta kien mistoqsi jekk għandux xi suspett f’xi ħadd hu kien allega li kien qed jaħseb f’ħaddiema li kienu qegħdin jaħdmu f’dit ta’ kostruzzjoni ħdejn ir-residenza tiegħu.

Il-Pulizija kienu raw il-kameras tas-sigurtà u ġie dentifikat l-akkużat u raġel ieħor li t-tnejn li huma kienu magħrufa mal-Pulizija. Huma ġew arestati u l-akkużat beda jikkopera mal-pulizija. Hu kien talabhom biex jeħduh id-dar biex ikun jista’ jkellem lil ommu. Kien f’dan il-waqt li ommu ħareġ mid-dar u tat lura l-arloġġ misruq.

Min-naħa l-oħra Josef Buttigieg kien tressaq il-Qorti u ammetta l-akkużi mill-ewwel. Hu kien intbgħat sentejn ħabs. Buttigieg kien qal li l-idea tas-serqa kienet tiegħu. Kien xehed li Jimenez ma kienx jaf li hu sejjer jisraq u meta rah ġej bl-arloġġ xorta ma qallux li kien ukoll seraq xi flus kontanti. Qal li kien tah l-arloġġ biex iżommulu.

Iżda, il-Prosekuzzjoni qalet li minkejja li huma jistgħu jikkofnermaw li kien Buttigieg li wettaq is-serqa, Jimenez kien qagħad għassa fit-triq sakemm issir is-serqa.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti nnotat inkosistenzi f’dak li qal l-imputat ta’ kif ġraw l-affarijiet ma’ dak li deher fil-filmati. Qalet li mill-provi joħroġ li l-imputat kien jaf li r-raġel l-ieħor kien sejjer jisraq u qagħad għassa fit-triq u din tagħmlu kompliċi fis-serqa.

Meta ġiet għal piena, l-Qorti qalet li l-akkużat diġà għandu disa’ sentenzi oħrajn fosthom tnejn ta’ serq u oħra ta’ attentat ta’ serqa. Ġie nnutat li r-raġel għandu problema kbira ta’ droga u mal-pulizija ammetta kien qiegħed iħallas mal-€500 kuljum biex jixtri l-kokaina u dan waqt li suppost kien qed jindirizza l-problema tad-droga.

Il-Qorti qalet li l-akkużat mhux kapaċi jirriforma ruħu sakemm ma jkunx il-ħabs. Il-Maġistrat qieset li kien ikkopera mal-pulizija u anke rritorna lura l-arloġġ qabel ma bdew il-proċeduri, iżda l-flus qatt ma ġew irritornati.

Kien għalhekk li l-Qorti kkundannatu 4 snin ħabs u ordnatlu jħallas lill-vittma €4,500, nofs il-flus misruqa. Ma’ dan il-qorti ordnat il-konfiska ta’ €7,000 li kien ħallas bħala depożiti biex jingħata l-ħelsien mill-arrest għall-każi preċedenti.

Ekonomija

Sport