Tuesday, December 24, 2024

“Jeħtieġ moniteraġġ sħiħ fuq iż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel”

Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Jeħtieġ li nagħmlu moniteraġġ sħiħ fuq iż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel. Huwa f’dan is-sens li l-Gvern Malti ħadem biex għen lill-bdiewa u r-raħħala, lill-importaturi tal-qmuħ u l-ġwież biex ikun żgurat li jkollna din is-sigurtà tal-ikel.” Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz li għamel fil-Parlament illum waqt stqarrija ministerjali b’rabta ma’ tliet laqgħat li kellu barra l-pajjiż fl-aħħar ġimgħat.

Huwa beda biex tkellem dwar iż-żewġ laqgħat tal-Kunsill Ewropew fejn il-gwerra fl-Ukrajna u l-effetti tagħha ddominaw f’dawn l-istess laqgħat. Qal li f’isem Malta huwa kompla jagħti messaġġ ċar ta’ appoġġ lill-Ukrajna inkluż meta tkellem dwar il-bidu ta’ proċess ta’ negozji dwar l-eventwali sħubija ta’ dan il-pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Lil hinn min dan, kompla jgħid il-Prim Ministru, pajjiżna jibqa’ mħasseb bis-sitwazzjoni li qed naraw quddiem għajnejna u se tibqa’ tagħmel il-parti tagħha f’din il-kawża.

Huwa qal li fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Mejju, il-mexxejja Ewropej iddiskutew is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet u qablu li sal-aħħar ta’ Diċembru li ġej, l-UE tkun waqqfet l-importazzjoni ta’ 90% taż-żejt Russu. Bħala pajjiż, Malta qatt ma kellha eċċezzjoni fuq embargo ta’ żejt Russu.

Fiż-żewġ laqgħat tal-Kunsill Ewopew, Dr Abela qal li kien ċar fuq il-punt li rridu nassiguraw is-sostenibbilità tas-sanzjonijiet u l-azzjonijiet li qed jittieħdu. Qal li jrid jittieħed kont tal-effett tas-sanzjonijiet eżistenti qabel ikunu kkunsidrati xi sanzjonijiet addizzonali.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-paċi u d-diplomazija li huma ċ-ċavetta importanti ħafna ta’ soluzzjoni għall-konflitti u dwar l-għoli tal-ħajja. Hu qal li għalkemm għandna l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea, għalih u għall-Gvern dan mhux biżżejjed biex nieqfu naħsbu u naġixxu dwar din l-isfida.

Ekonomija

Sport