Monday, February 24, 2025

“Jeħtieġ nibqgħu magħqudin fl-impenn għall-paċi fl-Ukrajna – id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

Aqra wkoll

“Aktar minn qatt qabel, il-komunità internazzjonali jeħtieġ tibqa’ magħquda fl-impenn tagħna lejn il-paċi fl-Ukrajna, hekk kif nibqgħu ninsistu għas-sovranità u l-integrità territorjali tagħha.” It-Tnejn, fit-tielet anniversarju mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg esprima l-appoġġ kontinwu ta’ Malta għal kull sforz lejn il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna u sostna li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti għandhom interess u responsabilità komuni li jiżguraw paċi sħiħa, ġusta u dejjiema.

Id-Deputat Prim Ministru jinsab fi Brussell għall-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE ta’ dan ix-xahar, li kmieni filgħodu approva s-sittax-il pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja, b’aktar restrizzjonijiet fl-oqsma finanzjarji, tal-enerġija u tal-kummerċ.

“Filwaqt li nilqgħu l-isforzi kollha li għaddejjin sabiex jieqaf il-ġlied, irridu nagħmluha ċara li l-atturi kollha, inkluż l-Ukrajna u l-UE, għandhom ikunu involuti f’kull negozjati li jaffettwaw is-sigurtà tal-kontinent tagħna. Sabiex niġu rispettati bħala msieħba kredibbli f’dawn it-taħditiet, jeħtieġ nersqu ’l quddiem bi strateġija pragmatika flimkien mal-Ukrajna. Jeħtieġ inkunu ċari fl-istrateġija tagħna, sodi fit-talbiet tagħna u impenjati fl-appoġġ kontinwu tagħna lill-Ukrajna,” qal id-Deputat Prim Ministru Borg.

Dwar il-Lvant Nofsani, id-Deputat Prim Ministru saħaq dwar għadd ta’ prijoritajiet li jeħtieġu attenzjoni minnufih sabiex jiġi evitat li jerġa’ jissokta l-ġlied. “Irridu niżguraw li dak li għaddej bħalissa ma jxekkilx il-prospetti tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, fejn l-Iżrael u l-Palestina jgħixu biswit xulxin fil-paċi u s-sigurtà. Malta tappella liż-żewġ naħat biex ikomplu jaħdmu għall-waqfien mill-ġlied permanenti, u għall-bini mill-ġdid ta’ Gaża,” sostna id-Deputat Prim Ministru.

“L-għajnuna umanitarja wkoll għandha tissokta, sabiex ittaffi l-qagħda katastrofika li hemm f’Gaża,” żied jgħid Dr Borg, hekk kif tenna s-sejħa ta’ Malta biex l-UNRWA tibqa’ tingħata appoġġ politiku u finanzjarju.

It-Tnejn waranofsinhar, id-Deputat Prim Ministru se jattendi wkoll għat-13-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, li se jittratta temi reġjonali, fosthom il-kunflitt f’Gaża u l-Iran, kif ukoll ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Iżrael u l-UE.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport