Sunday, November 24, 2024

Jeħtieġ regolamentazzjoni dwar ‘platform workers’ – is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jitkellem f’konferenza dwar il-prekarjat imtella’ mill-Forum Kontra l-Faqar (APF), is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li l-GWU qiegħda taħdem biex jiġu regolarizzati l-impjiegi tal-‘platform workers’ bħalma huma dawk li jqassmu l-ikel fid-djar.

Is-Sur Bugeja qal li filwaqt li l-GWU mhix kontra l-platform economy, madankollu rrikonoxxa li l-abbużi żdiedu u għaldaqstant hemm bżonn ta’ regolamentazzjoni f’dawn it-tip ta’ xogħlijiet sabiex il-ħaddiema ma jibqgħux iktar ikunu sfruttati.

Huwa tkellem ukoll dwar il-pandemija u qal li raw id-differenza bejn postijiet tax-xogħol li huma organizzati fi trejdunjins u oħrajn li mhumiex organizzati. “Rajna ħaddiema li kellhom l-impjieg tagħhom itterminat sempliċiment b’SMS. Rajna ħaddiema li kienu se jnaqqsulhom drastikament il-pagi tagħhom,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU. 

Huwa tenna li ninsabu fl-2022 u għadna nitkellmu fuq il-prekarjat li fi kliemu hija tebgħa fuq is-soċjetà kollha. Qal li bħala soċjetà, trejdunjins, min iħaddem, NGOs, Dipartimenti u Gvern, irridu nikkordinaw flimkien biex dan l-abbuż jinqata’ darba għal dejjem. 

Dwar il-kunċett ta’ ħlas ugwali għall-istess xogħol, Bugeja qal li bħala union ilhom jinsistu li din titwettaq, anke f’impjiegi mal-kuntratturi. “Jekk verament nemmnu f’dan il-kunċett, trid tidħol kullimkien,” qal Bugeja. 

Dwar l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li hi xi ħaġa tal-mistħija meta tisma’ li ħaddiem li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni, flok ittieħed l-isptar tħalla fuq bankina. Qal ukoll li b’mod kontinwu nisimgħu b’każi ta’ nies li jkunu mdendlin fuq pont waqt li jkunu qed jaħdmu. 

“Dawn l-inċidenti kollha li jkollna huma kbar u huma żejda. Min-naħa l-oħra, tieħu pjaċir tmur fuq il-post tax-xogħol fejn min iħaddem jagħti importanza lis-saħħa u s-sigurtà,” qal Bugeja.

Enfasizza li: “id-dinja tax-xogħol qiegħda tiżviluppa b’mod mgħaġġel. Għandna wkoll sitwazzjoni ta’ ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi li jaħdmu fuq il-laneċ tas-sajd. Il-liġi ta’ Malta ma tkoprihomx għax jgħidulhom li jaħdmu fuq il-lanċa. Dawn lanqas għandhom il-minimum wage. Il-paga li jirċievu hi ta’ €400 fix-xahar. L-abbużi li jsiru fuqhom huma tal-biża’. Employer minnhom f’wiċċi qalli li hu mhux obbligat lejn il-minimum wage ta’ Malta, u li anzi jagħtih jiekol f’nofsinhar xi kultant.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja temm jgħid li jeħtieġ li jekk irridu ntejbu l-kwalità tax-xogħol, dawn is-sitwazzjonijiet jiġu indirizzati. Tenna li “l-unika soluzzjoni huwa li kulħadd irid ikun membru fi trejdunjin tal-għażla tiegħu sabiex l-inqas problemi li jkollna fuq affarijiet bażiċi huwa fil-postijiet tax-xogħol li huma organizzati għax id-direzzjoni li jtuhom hi waħda organizzata u skont il-liġi mbagħad isir il-collective barganing. Imma ma jistax jibqa’ jkollna dawn l-abbużi li jfaqqsu minn kullimkien u ma jiġux indirizzati.”

Fl-istess konferenza tkellmet id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u x-Xogħol Diane Vella Muscat. Hija qalet li bħala Dipartiment jiltaqgħu ma’ każi diversi fosthom dwar meta impjegat ma jkunx jaf min qed jimpjegah. Barra minn hekk, dawn l-individwi, ħafna minnhom ta’ nazzjonalità barranija, lanqas ikunu jafu, jew jintqal lilhom, xi drittijiet għandhom. 

F’dan il-kuntest, id-Dipartiment jibda jaħdem fuq dawn il-każi u fejn ikun hemm bżonn jitolbu anke l-assistenza tal-pulizija biex jiġi idenfikat min hu l-employer. 

Vella Muscat qalet li każijiet oħra jinkludu kuntratti qosra ta’ xogħol, it-tnaqqis mill-pagi għal spejjeż relatati mal-permessi kif ukoll in-nuqqas ta’ informazzjoni fejn jidħlu kuntratti tal-impjieg u l-payslip fost oħrajn. 

Qalet li bħala Gvern sar ħafna biex jiġġieldu l-prekarjat. Qalet li l-payslip meta ġiet obbligatorja, għamlet rivoluzzjoni pożittiva ħafna. “Dik l-informazzjoni li hi dovuta lilek bħala impjegat. Inti trid tkun taf x’sigħat ħdimt, x’sigħat ta’ sahra ħdimt, jekk hemmx bonuses u anke leave.” 

Matul din is-sena, se jitħallsu bid-doppja fil-Ħdud dawk li jaħdmu mal-kuntrattur li jipprovdu servizz fis-settur pubbliku. Inizjattiva oħra hi dik fejn flus jinġabru mill-employer u jitqassmu fil-fond tal-maternità.

Sport