Minn Cristian Muscat
Minn Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Jien qatt ma ħlomt li xi darba kont se naqbad il-ġiri, anzi meta kont inkun għaddej bil-karozza u ninqabad f’xi triq magħluqa minħabba li kien ikun hemm xi ġirja tgħidx kemm kont ingerger. Min kellu jghidli li llum il-ġurnata sirt ingerger għax il-karozzi jgħaddu magħna waqt li nkunu qed niġru. Qbadt il-ġiri ta’ 59 sena, għall-ewwel kont immur nimxi u wara xi xahar nimxi, bdejt niġri biċċiet, mit-triq, kont ngħid f’qalbi ħa niġri sat-tali tabella, u nerġa’ naqbad nimxi, wara li nkun ħadt ftit nifs kont nerġa’ naqbad niġri biċċ’oħra. Wara ftit ġranet bdejt niġri t-triq kollha, nista’ ngħid li ħadd ma ħajjarni biex naqbad niġri, iżda peressli bdejt inżid fil-piż ma stajtx nibqa’ sejjer hekk, għalhekk ridt nagħmel xi ħaġa, bdejt nieħu pjaċir li beda jirnexxieli niġri għaxar kilometri f’siegħa, il-ġiri beda jagħtini sodisfazzjon.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li rbaħt kull tiġrija li hawn kemm fil-kategorja ta’ ‘l fuq minn 60 sena u anke ta’ ‘l fuq minn 65 sena, għax tajjeb tkun taf li l- kategoriji huma kull ħames snin. Issa wasalt fi ftit xhur oħra biex naqleb għall- kategorija tas-70 sena. L-unika kategorija li qatt ma rbaħt hija l-Maratona ta’ Malta … kont viċin ħafna drabi, irbaħt wkoll il-kategorija tan-Nofs Maratona ġewwa l-Maċedonja u ġejt fit-tieni post ġewwa Pisa u Ċipru.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell għola mmens hawn ħafna żgħar li jekk jibqgħu sejrin kif inhuma sejrin żgur se jagħmlu isem għalihom u għal Malta tagħna, illum il-ġurnata kulħadd sar konxju kemm hu importanti l-isport, mhux bħal meta kont żgħir jien, u kont nilgħab il-ballun bil-moħbi t’ommi, għax kienet dejjem tbeżżagħni li nikser idejja jew saqajja, illum it-tagħlim kiber ħafna, ħwienet tal-isport hawn hafna mhux bħal meta kont żgħir jien, illum hawn kowċis ikkwalifikati u vera qed ikunu ta’ għajnuna kbira biex ikomplu itejbu lilhom infushom.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Illum il-ġurnata sar progress kbir fejn wieħed jista’ jittrenja, ma nistax ngħid li ma saritx qabża kbira, għalkemm għad hawn x’wieħed jista’ jagħmel, bħal pereżempju Għawdex għaliex m’għandux ikun hemm trakka għall ġiri, Ta’ Qali għaliex m’għandux ikun iżjed imdawwal … hemm ċerti naħat ikunu fi dlam ċappa … hemmhekk vera popolari għall-ġiri.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Kif għidtlek iżjed ‘il fuq din is-sena se nagħlaq 70 sena … kull ġurnata li l-Mulej jogħġbu jagħtini ngħidlu grazzi u nibqa’ nitolbu biex jagħtini s-saħħa biex inkompli niġri, għax il-ġiri sar ħajti, diment li jkolli s-saħħa, żgur li se nibqa’ niġri.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Kull sport hu x’inhu biex timxi ‘l quddiem trid tkun lest li tagħmel is-sagrifiċċju u trid il-paċenzja … żgur li mhux se tiġi tajjeb mill-ewwel trid iż-żmien … qisek għandek taraġ għoli u se tibda tiela’ l-iskaluni, issa jiddependi minnek kemm se jirnexxielek titla’ l-iskaluni fl-inqas żmien, kemm għandek rieda, determinazzjoni, motivazzjoni … jekk għandek dawn it-tlieta żgur li se tagħmel suċċess!