Minn Cristian Muscat
L-Isla ddefendew it-titlu tar-Regatta tal-Vitorja b’suċċess hekk kif rebħu l-Aggregate Shield għat-tieni sena konsekuttiva u għal 25 darba fl-istorja.
Kienet regatta organizzata b’mod impekkabbli fejn it- tiġrijiet kienu kollha puntwali u kollox mexa b’mod ordinat u għaldaqstant il-kumitat jistħoqqlu kull tifħir.
Kategorja B, intrebħet mill-Isla u mill-Birgu filwaqt li l-Kalkara rebħu dik tan- Nisa.
KATEGORIJA OPEN

L-ewwel tiġrija kienet dik tad-Dgħajjes tal-Midalji li fiha d-dgħajsa tal-Birgu daħlet fl-ewwel post minkejja li kien hemm protest kontra tagħhom li daħlu fil-lane tal-Isla, li iżda, irriżulta fin-negattiv.
Maryjane Fjamma, misjuqa minn Kieran Zammit, Antoine Brignone, Dennis Thornton u Sven Refalo, irreġistrat ħin ta’ 5 minuti u 2 sekondi.
Fit-tieni post daħlu Bormla, segwiti mil-Isla.
It-tiġrija tal-Frejgatini kienet waħda mill-aktar spettakolari meta sal-aħħar 50 metru, it-tliet dgħajjes ta’ Bormla, l-Isla u l-Birgu kienu ras imb’ ras.
Iżda l-Bormliża, Marija ta’ Leli, bdiet iżżid il-qadfa tagħha biex eventwalment ħarġet rebbieħa, bl-ekwipaġġ ikun kompost minn Matthia Calleja u Mel Magro filwaqt li Huston Camilleri kellu l-kmand tad-direzzjoni.
Ta’ min isemmi li dan kien it-tieni suċċess konsekuttiv ta’ din il-koppja, bid-differenza li l-coxswain kien Thias Bugeja.
L-Isla u l-Birgu kellhom jikkuntentaw bit-tieni u bit-tielet pożizzonijiet.
Fit-tiġrija tal-Pass ta’ Bi Tnejn, kienet id-dgħajsa Aurora tal-Isla li daħlet fl-ewwel post. F’nofs it-tiġrija deher li seta’ kien se jkun hemm l- użu tal-photo-finish, iżda l-koppja, Matthew Micallef u Charvon Gatt, bdiet iżżid ir-ritmu ma’ kull qadfa biex daħlu fl-ewwel post b’tul ta’ żewġ dgħajjes, f’ħin ta’ 6 minuti u 11-il sekonda.
B’hekk, dawn iż-żewġ qaddiefa rrepetew is-suċċess tas-sena l-oħra.
Fit-tieni post temmew Bormla qabel il-Birgu.
Ta’ min isemmi li Dennis Thornton (Birgu) u Clive Casha (Bormla) kienu avversarji ta’ xulxin meta għal snin twal iddominaw din it-tiġrija mat-team ta’ Bormla.
Il-Birgu, bid-dgħajsa James, rebħu t-tiġrija tal-Kajjiki biex fetħu beraħ l-isfida għar-rebħ tal-Aggregate Shield li kien jiddependi ħafna mill-aħħar tiġrija.
Christian Bugeja u Kurt Vassallo waqqfu l-arloġġ filħin ta’ 7 minuti u 2 sekondi … quddiem Bormla u l-Isla li fl-aħħar parti tat-tiġrija ppruvaw jagħmlu reazzjoni.
L-aħħar tiġrija kienet inċerta sal-aħħar iżda l-Isla, bid-dgħajsa, Invicta S26740, għelbet l-isfida ta’ Bormla, b’Marsamxett jidħu fit-tielet post.
L-ekwipaġġ rebbieħ kien kompost minn Owen Zammit, Charvon Gatt, Matthew Micallef u Denilson Long, li rreġistra ħin ta’ 5 minuti u 31 sekonda.
KATEGORIJA B

Din il-Kategorija ntrebħet mill-Birgu u mill-Isla li spiċċaw bl-istess ammont ta’ punti, b’total ta’ 56, biex ix-Shield se tinqasam għal sitt xhur kull wieħed. Dan ifisser li din il-kategorija kienet waħda bilanċjata.
Iżda filwaqt li l-Birgu rebħu tliet tiġrijiet, l-Isla tellgħu l-punti bi pjazzamenti fit-tieni post f’kull tiġrija.
L-ewwel tiġrija kienet dik tal-Pass ta’ Bi Tnejn li ntrebħet mid-dgħajsa, Ġorġ l- għannej tal-Mulej tal-Birgu, misjuqa minn Loran Zarb u Lorenz Mizzi li daħlu b’mod komdu hekk kif fi tliet kwarti tal-korsa warrbu l-isfida tal-Isla li kienu segwiti minn Birżebbuġa.
Id-dgħajsa Il-Bormliż ta’ Bormla rebħet it-tiġrija tal- Kajjikki hekk kif il-koppja, Kyle Gauci u Osion McKinley, fetħu vantaġġ sa minn kmieni biex ir-rebħa tagħhom kienet waħda komda, bil-ħin ikun dak ta’ 6 minuti u 56 sekondi.
Fit-tieni post daħlu l-Isla segwiti mill-Kalkara.
Id-dgħajsa Bormliża, Mintoff, issuperat it-tiġrija tad-Dgħajjes tal-Midalji meta, fil-ħin ta’ 5 minuti u 21 sekondi rebħet b’mod mill-aktar komdu, tant, li l-ekwipaġġ – Ayken Abela, Kyle Gauci, Lydon Pulis u Osion McKinley, naqqas il-veloċitá fl-aħħar 20 metru.
L-Isla daħlu fit-tieni post filwaqt li Kalkara ngħataw it-tielet post wara li d-dgħajsa tal-Birgu ġiet skwalifikata.
B’hekk sa dak il-punt, Bormla laħqu lill-Isla temporanjament fil-quċċata bi 32 punt.
It-tiġrija tal-Frejgatini intrebħet mid-dgħajsa tal-Birgu, Tyron il-Flint, fil-ħin ta’ 7 minuti u 30 sekonda, bil-qaddiefa jkunu Owden Caruana Smith u Nayden Casha filwaqt li iċ-ċkejken Ceszian Caruana Smith kien it-tmunier.
Huma rebħu b’żewġ tulijiet liema vantaġġ ħaduh fl-ewwel 100 metru u baqgħu jżommuh sal-aħħar … quddiem l-Isla u Bormla.
L-aħħar tiġrija, dik tal-Pass ta’ b’Erbgħa, intrebħet mid-dgħajsa tal-Birgu, Ġorġ l- għannej tal-Mulej, f’ħin ta’ 5 minuti u 55 sekondi meta għelbet lil dik tal-Isla b’tul u nofs.
Kurt Ellul u Jonathan Piscopo kisbu l-istess suċċess tas-sena li għaddiet iżda din id-darba kellhom magħhom lil Lorenz Mizzi u Loran Zarb minflok Yan Parascandolo u Adonai Gatt.
Fit-tieni post temmew l-Isla segwiti minn Bormla.
KATEGORIJA TAN-NISA

Il-Kategorija tan-Nisa hija komposta mit-tiġrija tal-Frejgatini li ntrebħet b’mod mill-aktar faċli mid-dgħajsa tal-Kalkara wara li f’nofs il-korsa, id-dgħajjes tal-Marsa u tal-Isla daħlu f’xulxin, li sa dak il-ħin kienu qed jagħtu sfida denja li sfumat fix-xejn.
Madankollu, Kiahna Camilleri u Zanishia Pace, bil-coxswain Rileyah Pace, temmew fil-ħin ta’ 8 minuti u 6 sekondi.
Fit-tieni post daħlu l-Birgu segwiti minn Birżebbuġa.
RIŻULTATI KOLLHA
Kategorija A
Dgħajjes tal-Midalji
1. Birgu 5’02” (20 punt); 2. Bormla (12); 3. Isla (6)
Frejgatini
1. Bormla 7’19” (12); 2. Isla (8); 3. Birgu (4)
Tal-Pass ta’ bi Tnejn
1. Isla 6’12” (20); 2. Bormla (12); 3. Birgu (6)
Kajjikki
1. Birgu 7’02” (12); 2. Bormla (8); 3. Isla (4)
Tal-Pass ta’ b’Erbgħa
1. Isla 5’31” (24); 2. Bormla (16); 3. Marsamxett (8)
Klassifika Finali: 62 – Isla; 60 – Bormla; 42 – Birgu; 8 – Marsamxett; 0 – Birżebbuġa, Kalkara, Marsa, Siggiewi
Kategorija B
Tal-Pass ta’ bi Tnejn
1. Birgu 6’10” (20 punt); 2. Isla (12); 3. Birżebbuġa (6)
Kajjikki
1. Bormla 6’56” (12); 2. Isla (8); 3. Kalkara (4)
Dgħajjes tal-Midalji
1. Bormla 5’21” (20); 2. Isla (12); 3. Kalkara (6)
Frejgatini
1. Birgu 7’30” (12); 2. Isla (8); 3. Bormla (4)
Tal-Pass ta’ b’Erbgħa
1. Birgu 5’55” (24); 2. Isla (16); 3. Bormla (8)
Klassifika Finali: 56 – Birgu u Isla; 38 – Bormla; 10 – Kalkara; 6 – Birżebbuġa; 0 – Marsa, Marsamxett, Siggiewi




