Monday, April 22, 2024

“Jekk hemm il-mużika f’qalbek, esprimiha”

Dana McKeon

Aqra wkoll

Hija r-rappreżentanta ta’ Malta fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Beatbox u kklassifikat fit-Top 5 ta’ Beatboxers Femminili fid-Dinja waqt l-ewwel kompetizzjoni uffiċjali tagħha. Kisbet ukoll żewġ titli bħala l-Viċi-Kampjonessa mill-Kampjonati tal-Beatbox tar-Renju Unit.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika u l-kant?

Minn dejjem kont miġbuda lejn il-mużika u ritmi differenti. Ħassejt konnessjoni kbira ma’ ħafna kanzunetti li kont nisma’ fi tfuliti, li spirawni sabiex nibda ngħallem lili nnifsi kif inkanta u ndoqq strumenti differenti. Eventwalment meta kelli 19-il sena, ktibt u għamilt prestazzjoni fuq il-palk ta’ l-ewwel kanzunetta oriġinali tiegħi.

Kien hawnhekk li skoprejt passjoni profonda għall-kant, il-kitba tal-kanzunetti, id-daqq tal-kitarra u l-beatboxing.

Dana McKeon

Ħassejt li dak li kienet tispira ġewwa fija l-mużika ta’ ħaddieħor, stajt nispira f’ħaddieħor permezz tal-kanzunetti tiegħi stess. Dan kollu biddel il-mod ta’ kif inħares lejja nnifsi u l-ħajja, u intbaħt li l-mużika kienet se ssir l-akbar avventura ta’ ħajti!

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa fil-Beatbox

Jien ir-rappreżentanta ta’ Malta fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Beatbox u klassifikajt fit-Top 5 ta’ Beatboxers Femminili fid-Dinja waqt l-ewwel kompetizzjoni uffiċjali tiegħi. Ksibt ukoll żewġ titli bħala l-Viċi-Kampjonessa mill-Kampjonati tal-Beatbox tar-Renju Unit. Grazzi għall-isem li għamilt fix-xena tal-Beatbox, intagħżilt bħala l-preżentatriċi tal-Kampjonati Mondjali tal-Beatbox Looping.

Inħobb ħafna nesperimenta b’diversi stili ta’ mużika u dan wassalni sabiex noħloq album ta’ mużika varjata fejn il-ħsejjes tal-istrumenti huma kollha magħmula mill-beatbox flimkien mal-kant. Xi wħud mill-kanzunetti minn dak l-album reċentement dehru fuq TV internazzjonali (The Bachelorette) u programmi ta’ Netflix bħal Sky Rojo u Toy Boy.

Bħala beatboxer, kelli l-opportunità li nikkolabora ma’ Bruno Mars, nagħmel wirjiet fuq il-palk fil-London Paralympics, Monaco Yacht Show u għall-Familja Rjali Brittanika, u niftaħ kunċerti f’Londra għal artisti bħal James Arthur, John Newman u Stormzy.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-kant sa issa

Permezz tal-kant, kelli l-opportunitá li nivjaġġa madwar id-dinja għal diversi kunċerti, festivals u sessjonijiet ta’ kitba ta’ kanzunetti! Il-kanzunetti oriġinali tiegħi ġew magħżula minn diversi programmi fuq Netflix (Too Hot To Handle, Selling Sunset u Insatiable), MTV, BBC, kif ukoll l-ikbar stazzjonijiet tat-TV u Radju madwar l-Ewropa, l-Istati Uniti u l-Awstralja.

Kelli l-pjaċir naqsam il-palk ma’ Rudimental u Misha B, kif ukoll nikteb u nkanta kanzunetti oriġinali ma’ DJ Pioneer (KISS FM) u Joe Bermudez (Britney Spears, Rihanna, Madonna, Ultra Music Festival). L-aħħar kanzunetta li ħriġt, Tug Of War, intgħażlet biex tindaqq minn uħud mill-aqwa DJs tad-dinja inkluż Tiesto, Steve Aoki u Benny Benassi.

Il-mużika tiegħi s’issa ġiet ippubblikata minn diversi djar tad-diski bħal Sony Music (Canada), BMG (UK) u Universal Music Publishing Group (US, AUS).

Kif iddeċidejt li tmur tgħix Londra biex hemmhekk tagħmel karriera fil-kant u l-mużika?

Ladarba ħadt id-deċiżjoni li nagħmel karriera fil-mużika, ħarist lejn fejn stajt insib ambjent fejn nitgħallem, nikber u nagħmel l-aktar konnessjonijiet interessanti.

Londra kienet magħrufa bħala l-mekka tal-mużika fl-Ewropa b’xena tal-Beatbox b’saħħitha, u mhux ‘il bogħod mill-familja daqs kemm kienu possibbilitajiet oħra bħal Los Angeles, għalhekk saret l-għażla ovvja tiegħi!

Kemm hi differenti l-ħajja f’Londra minn dik f’Malta?

Ħafna! Peressli għext Malta ħajti kollha qabel ma mort Londra, dak li spikka għalija kien id-daqs tal-belt, l-ammont ta’ avvenimenti kulturali li jseħħu kuljum, l-istil ta’ ħajja b’ritmu mgħaġġel ħafna, u ovvjament il-mod differenti ta’ kif wieħed jirrelata man-nies fit-triq.

Timmissjaha lil Malta?

Nimmisja ħafna lill-familti u sħabi li jghixu Malta. Iżda ninżel lura kull ftit xhur u nista’ naprezza aktar l-isbuħija tal-gżejjer tagħna!

X’inhu l-futur ta’ Dana McKeon fil-kant?

Wara 10 snin Londra, issa qed nesplora aktar opportunitajiet fil-Mediterran, fejn bħalissa qed nagħmel kunċerti u nikteb ħafna mużika ġewwa Franza, bejn Nizza, Monaco u Cannes! Ta’ sikwit għadni mmur Londra u Malta għal proġetti mużikali differenti u nittama li nkompli nagħmel impatt fix-xena internazzjonali.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-kant u l-mużika.

Esperimenta, kun oriġinali u sib il-ħoss uniku tiegħek li jagħmlek tispikka fil-folla! Kun lest li tfalli (hekk biss titgħallem) u ikkollabora kemm tista’ ma’ nies kreattivi.

Iftaħ moħħok permezz ta’ esperjenzi differenti, iltaqa’ ma’ nies ġodda, ibni relazzjonijiet tajbin, ibqa’ miftuħ għall-feedback kostruttiv u l-opportunitajiet li jiġu lejk. Jekk hemm il-mużika f’qalbek, esprimiha!

Sport