Friday, May 3, 2024

Il-kumpanija No Deposit Cars Malta tallega li klijenti għamlu rapport falz

Aqra wkoll

F’kontro-protest li ressqu fil-qorti bi tweġiba għal protest ġudizzjarju ffirmat minn 26 klijent il-Ħamis li għadda, il-kumpanija No Deposit Cars Malta qed talleg li hija vittma ta’ kampanja orkestrata ta’ tfigħ ta’ tajn fejn anke sostniet li l-klijenti għamlu rapport falz.

Il-kontro-protest li tressaq minn Christian Borg u d-direttur tagħha Joseph Camenzuli ġie ffirmat mill-avukati Gianella de Marco u Charles Mercieca. Il-kontro-protest jikkritika bil-qawwa kollha lis-26 klijent li skont Borg u Camenzuli ħallew lilhom infushom ikunu parti minn kampanja ta’ tfigħ ta’ tajn kontra l-kumpanija.

Skont dak mikbut fil-kontro-protest, wieħed mill-klijenti tkellem mad-direttur tal-kumpanija biex jiddiżassoċja ruħu mill-protest ġudizzjarju li tressaq ftit tal-jiem ilu. Dan il-klijent qed jallega li ismi tniżżel f’dan il-protest mingħajr hu lanqas biss kien jaf.

Minbarra li ċaħdu dak kollu li kien hemm fil-protest, Borg u Camenzuli qalu li qegħdin iżommu lill-klijenti responsabbli għar-rapport falz li għamlu. Huma qegħdin jitolbu biex dawn il-klijenti jinżammu responsabbli għad-danni li setgħu ħolqu lill-kumpanija.

Huma ċaħdu li xi darba ħarġu rċevuti foloz u li talbu xi ħlas għal xi karozzi li ma ngħatawx. Dwar l-allegat tagħmir elettroniku li twaħħal mal-karozzi, fil-kontro-protest intqal li din hija prattika aċċettata u regolata fir-Renju Unit u anke kien hemm referenza għalija f’sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Sport