Saturday, December 14, 2024

JEKK INDAĦĦLU RASNA FIR-RAMEL

Aqra wkoll

Iltqajt ma’ żewġ persuni: wieħed ivvota dejjem PN, l-oħra vvutat dejjem PL. 

Fl-aħħar elezzjoni ta’ Marzu 2022 ma vvutawx għax tilfu l-fiduċja fiż-żewġ partiti. Ma jafux lil xulxin imma qaluli l-istess kliem għala ma vvutawx: irridu politika nadifa u onesta, politiċi li jaħdmu għall-ġid komuni u mhux għall-interessi personali u politiċi li jaħdmu għall-għaqda fil-pajjiż u mhux għall-firda u l-mibegħda.

It-tnejn iħobbu lil pajjiżna u qed jagħmlu xogħol soċjali għall-ġid fil-kommunita` tagħhom iżda ma jridux imissu ma’ partiti politiċi. Mhux sinjal tajjeb meta jkollok nies bħal dawn ma jridux jinvolvu ruħhom fil-politika. Fl-elezzjoni li għaddiet 8,802 marru jivvotaw iżda ħassruh, id-doppju ta’ kemm ghamlu hekk fl-2013. B’kollox madwar 60,000 ma vvutawx. Kemm minnhom ma vvutawx għax tilfu fiduċja fil-partiti?

Il-PL u l-PN qed jagħmlu stħarriġ biex isiru jafu għala ntilfet il-fiduċja fihom u biex jaħdmu biex iġibu dik il-fiduċja lura? Jew kuntenti nkunu repubblika mibnija fuq ir-ramel li ndaħħlu rasna fih? Mhix konsolazzjoni li ngħidu li f’pajjiżna għadhom jivvutaw ferm iżjed milli jivvutaw f’pajjiżi demokratiċi oħrajn.

M’għandniex nintelqu mal-kurrent

Meta tivvjaġġa f’ħafna mill-pajjiżi l-oħra tinduna kemm hi ċkejkna Malta. Meta bħala żagħżugħ bdejt nivvjaġġa u niskopri kemm hi kbira d-dinja, kont ktibt dan:

Malta tiegħi, qawwi qalbek. 
Mhux tassew kulħadd insik. 
Dubbiena ftakret timmarkak
F’nofs l-ikħal fuq il-mappa. 

Iżjed ma kbirt iżjed fhimt li l-agħar ċokon mhux id-daqs tal-art, iżda tal-moħħ u l-qalb. Iżjed fhimt li jekk ma tħobbx u ma tistmax lil pajjiżek int stess, ma jiġix ikkalkulat u jiġi stmat ta’ tapit mill-pajjiżi l-oħra. Pajjiż sovran mhux biżżejjed ikollu l-innu u l-bandiera tiegħu jekk ma jħobbx u ma jirrispettax lilu nnifsu u jieħu ħsieb tiegħu nnifsu billi kapaċi jħoss b’qalbu, jaħseb b’moħħu u jara b’għajnejh u jaħdem b’għaqal u b’dinjita’ għall-ġid tiegħu u jħares lilu nnifsu mill-aħjar li jista’. Bla teatrin. B’realiżmu. 

Jekk taħseb b’moħħ ħaddiehor tagħmel dak li jrid ħaddieħor anki jekk tperper il-bandiera tiegħek u ddoqq l-innu tiegħek. Żgħar. Imma xorta m’għandniex insiru iżgħar billi nintelqu u nmorru fejn sempliċiment iridna ħaddiehor għall-interessi tiegħu u mhux għall-ġid tagħna. Xejn mhu faċli għall-pajjiż żgħir f’dinja ta’ kbar. 

Iżda kollox isir iżjed diffiċli jekk tintelaq u tħalli lil ħaddiehor jieħdok fejn irid. 

Żminijiet iebsa bħal fi gwerra

Sas-sena li għaddiet l-ekonomisti kienu qed ibassru kif is-sena 2022 kellha tkun sena mill-aqwa, bid-dinja tirpilja wara l-pandemija kif ġara kwazi 100 sena ilu wara l-Influenza Spanjola li kienet ħarbtet dinja. Għaddew ftit xhur u issa qisna morna lura 50 sena għas-snin 70 meta għola l-prezz taż-żejt u staġnat l-ekonomija tad-dinja u nfirxet tant tbatija, qgħad u miljuni marru lura. Il-gwerra fl-Ukrajina u l-għeluq ta’ Shanghai bil-covid qed iħarbtu l-ekonomija tad-dinja bl-iskarsezzi u l-gholi tal-prezzijiet. 

L-ekonomisti qed jgħidu lill-mexxejja biex iħejju liċ-ċittadini jitgħallmu jiffaċċjaw żminijiet iebsa bħal fi gwerra. Bħas-soltu jweġġħu l-iżjed dawk li jifilhu l-inqas. Tajjeb li l-gvern qed jiehu passi biex iħares lill-poplu tagħna milli jweġġa’ iżjed milli qed iweġġa’ f’din is-sitwazzjoni diffiċli. 

Teatru tal-pupi

Mnejn igibu l-flus il-kandidati u l-partiti biex imexxu l-ħidma tagħhom?

Il-kwalita’ ta’ demokrazija ta’ pajjiż tiddependi kif titwieġeb din il-mistoqsija. 

Tajjeb għaċ-ċittadini u għal pajjiż fejn il-kandidati u l-partiti flushom iġibuhom l-aktar mingħand in-nies tal-flus li mbaghad jiġbdu l-ispag kif jaqblilhom u flok demokrazija b’ċittadini u istituzzjonijiet b’saħħithom ikollok teatru tal-pupi?

Photo Caption : Fl-elezzjoni li għaddiet 8,802 marru jivvotaw iżda ħassruh, id-doppju ta’ kemm ghamlu hekk fl-2013. Madwar 60,000 ma vvutawx. Kemm minnhom ma vvutawx għax tilfu fiduċja fil-partiti?

Tajjeb għaċ-ċittadini fejn il-kandidati u l-partiti flushom iġibuhom l-aktar mingħand in-nies tal-flus li mbaghad jiġbdu l-ispag kif jaqblilhom u flok demokrazija ikollok teatru tal-pupi?

Ekonomija

Sport