Friday, November 22, 2024

Jekk int adult, aktar għandek tibda tipprattika xi sport u tibqa’ attiv – Warren Farrugia

Aqra wkoll

minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?

Bdejt fl-isport wara li rajt lil sħabi jilgħabu l-handball. Meta kont izgħar kien sport li kien interessani, u meta rajt lil sħabi jilgħabu kelli x-xewqa biex nibda. Fejn fil-bidu l-iskop kien biex nibqa attiv, bil-mod il-mod sar sport verament għal qalbi.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek fi ħdan Hamrun Handball Club.

Jien involut fil-qasam tas-social media, fejn nieħu ħsieb il-kontenut tat-tim, norganizza avvenimenti ta’ bejnietna, u niddisinja l-merchandise għall-klabb. Apparti minn hekk, ngħin ukoll f’aspetti amministrattivi. 

Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Għandna kulturá ta’ sport f’Malta, iżda nemmen li hemm bżonn aktar emfażi fuq l-importanza tagħha. Sport bħall-handball, li hu relattivament zgħir f’Malta, għandu li jkun hemm aktar għajnuna min-naħa tal-ġenituri li jinkoraġġixxu lil uliedhom biex jibgħu attivi, aktar sforz mill-plejers biex jieħdu opportunitajiet kemm f’Malta u barra minnha għall-iżvillup tagħhom, u għajnuna mill-awtoritajiet u assoċazzjoniet relevanti biex ikompli jgħinu fl-iżvilupp tal-isport; kemm tal- handball kif ukoll ta’ sports oħrajn. 

X’tikkummenta fuq ir riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?

Waqt li riċentiment fetħu paviljun ġdid fil-Ħamrun, in-nuqqas ta’ faċilitajiet fejn nistgħu nilagħbu u nittrenjaw hija problematika. Għalkemm in-numru ta’ klabbs li jilagħbu l-handball huwa nurmu zgħir, kull sena insibuha diffiċli biex insibu postijiet fejn nistgħu nittrenjaw. Dan huwa l-akbar ostaklu tagħna bħala komunitá tal-handball, u se tkun problematika meta aktar timijiet jixtiequ jikkompetu fil-kampjonat tal-handball.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport?

Fir-rwol tiegħi bħala plejer tal-handball, nixtieq inkompli nittrenja u nitgħallem għax fl-isport huwa kruċjali li dejjem tirsisti u tipprova tkun verżjoni aħjar mill-plejer li kont is-sena ta’ qabel. Fir-rwol tiegħi fil-qasam ta’ tmexxija (‘management’) tal-isport, nixtieq li ngħin lill-klabb ikompli jikber u jilħaq livell għoli. Il-fatt li tara liż-żgħażagħ jikbru min-nursery u jilħqu biex jilagħbu mal-ewwel tim, huwa l-aktar pjeċir f’dan ix-xogħol. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika xi tip ta’ sport.

Qatt mhu se jkun hemm ġurnata aħjar biex tibda sport milli issa. Li nibdew l-isport minn etá żgħira huwa ta’ benefiċċju liż-żgħar għax jidraw f’ambjent attiv li se ssarraf fi kwalitajiet tajbin meta jikbru. Peró, m’hemmx restrizzjoni ta’ etá. Jekk int adult, aktar għandek tibda tipprattika xi sport u tibqa’ attiv. Fi kwalunkwe sport, se tgħinek issaħħaħ is-saħħa fiżikali u mentali, u f’ambjent ta’ team sport bħall-handball, tkun tista’ tiltaqa’ ma’ komunitá ta’ nies li jirrispettaw u jgħinu lil xulxin. 

Sport