Saturday, December 28, 2024

“Jekk iż-żgħażagħ tagħna jonqsu milli jkunu mħarrġa sew f’professjoni u fi snajja’ tekniċi, dan jista’ jxekkel l-iżvilupp ta’ pajjiżna”

Aqra wkoll

Dan intqal mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia,  waqt li inawgura l-wirja ‘Breaking Stereotypes in Professions’, fil-Parlament ta’ Malta. Din il-wirja qed tittella’ b’kollaborazzjoni mal-Malta Federation of Professional Associations (MFPA), liema federazzjoni twaqqfet fl-1971 u tiġbor fi ħdanha sbatax-il għaqda u tirrappreżenta madwar 10,000 persuna bi professjoni.

L-Ispeaker fakkar li l-kisbiet politiċi u ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali li l-poplu Malti u Għawdxi għamel tul iż-żmien, huma frott il-għaqal, il-bżulija, ix-xogħol, id-determinazzjoni u t-tmexxija u t-treġija tajba. Hu saħaq dwar l-importanza tal-edukazzjoni u l-ħtieġa li s-soċjetà Maltija jkollha nies imħarrġa sew. 

L-Ispeaker irrikonoxxa s-sehem kbir tal-mara fl-iżvilupp ta’ pajjiżna tul iż-żmien u tenna l-ħtieġa li pajjiżna għandu jgħin aktar liż-żgħażagħ tagħna biex iwaqqfu familji b’aktar ulied, u jittieħdu aktar miżuri bil-għan li l-ommijiet jibqgħu jagħtu sehemhom lis-soċjetà, lill-industrija u lil oqsma oħra importanti fl-iżvilupp ekonomiku u uman tal-Gżejjer Maltin. Faħħar il-miżuri favur il-familja li ttieħdu mill-amministrazzjoni pubblika fl-2020 bil-ħsieb li jissaħħu l-valur tal-familja u t-trobbija tal-ulied, iżda fl-istess waqt jagħmilha aktar faċli lill-ommijiet u lill-missirijiet biex jaqsmu bejniethom, b’mod ekwu, ir-responsabbiltajiet ta’ kura tal-ulied u tal-anzjani. B’hekk, il-mara tkun tista’ tkompli bil-karriera tagħha bħala omm, bint u fl-istess waqt persuna professjonali. Hu ħeġġeġ li dawn il-miżuri jiddaħħlu b’mod gradwali f’setturi oħra ta’ pajjiżna.

L-Ispeaker irrefera għat-tibdil kostituzzjonali li sar qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali biex fil-futur, l-għadd ta’ nisa membri tal-parlament jilħaq 40 fil-mija jew aktar. Hu ppropona li għandhom jittieħdu aktar miżuri biex is-sehem tal-mara fl-ekonomija u fin-negozju, kemm bħala sid u fit-treġija ta’ negozji u intrapriżi, ikompli jiżdied.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll minn Katya De Giovanni, Ian Vassallo u minn Norma Camilleri u James Licari, uffiċjal kap eżekuttiv u president rispettivi tal-Malta Federation of Professional Associations.

Il-pubbliku ġenerali hu mistieden iżur din il-wirja fil-bini tal-Parlament ta’ Malta sat-Tnejn 18 ta’ Settembru 2023, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9.00 ta’ filgħodu u l-5.00 ta’ waranofsinhar, Sibtijiet, Ħdud u festi pubbliċi bejn id-9.00 ta’ filgħodu u n-nofsiegħa.

Ekonomija

Sport