Monday, December 9, 2024

“Jekk l-UE tonqos milli tilħaq qbil dwar din tista’ żżarma” – Il-Ministru Edward Scicluna

Aqra wkoll

Miktub Minn Melvin Farrugia
Ritratti Alan Saliba

Wara li lbieraħ irrapportajna li ma kienx hemm qbil bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dwar pjan ta’ rkupru mill-impatt tal-Coronavirus, Inewsmalta tkellem mal-Ministru tal-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji, Edward Scicluna biex jispjegalna aktar dwar dak li qed jiġri u x’pożizzjoni qiegħda tieħu Malta f’dan ir-rigward. 

Hu għamilha ċara li jemmen li se jintleħaq qbil, għax il-pajjiżi se jirrealizzaw li ma jistgħux iwaqqfu ftehim importanti bħal dan meta fid-dinja hawn diżastru. Saħaq li jekk l-Unjoni Ewropea tonqos milli tilħaq qbil dwar din il-kwistjoni, tkun tista’ żżarma. Qal li l-Unjoni Ewropea se jkollha ċ-ċans li tuża l-istituzzjonijiet li bniet matul iż-żmien u turi li meta l-pajjiżi jingħaqdu jkollhom saħħa ħafna ikbar. Għalhekk qal li jekk ma niftehmux biex nużawhom, allura ma jkollniex bżonn l-Unjoni Ewropea. 

Intant, rigward il-laqgħa li saret fis-7 ta’ April u kompliet sal-bieraħ filgħodu, il-Ministru qal li wara li faqqgħet din il-kriżi, kemm il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ministri ħassew li għandu jsir xi ħaġa fuq livell Ewropew biex jgħinu lill-pajjiżi. 

Scicluna qal li dan hu l-prinċipju li mibnija fuqu l-Unjoni Ewropea, li meta tgħaqqad lis-27 pajjiż flimkien tkun tista’ tagħmel xi ħaġa aħjar u tappoġġja dak li jissejjaħ backstop – xi ħaġa qawwija li s-swieq finanzjarji jemmnu fiha u li fil-mument ta’ prova sserrvi ta’ ħajt sod li jżomm kollox milli jikkrolla. Qal li dan mhux biss għandu jsir f’din il-kriżi iżda kull meta jkun hemm il-bżonn. 

Edward Scicluna intervistat mill-ġurnalist Melvin Farrugia

Illaxkati regoli dwar l-istate aid

Il-Ministru qal li din il-kwistjoni hi waħda straordinarja. Semma li l-ewwel li sar mill-Kummissjoni Ewropea kienet li ħallet l-irbit li kellha fuq il-pajjiżi dwar dak li jistgħu jagħmlu u ma jagħmlux – dak li jissejjaħ bħala state aid. Spjega li fil-prinċipju l-Gvern ma jistax jippreferi kumpanija minn oħra u jgħinha, lanqas jekk tkun kumpanija tal-Gvern bħall-Air Malta. Qal li dawn ir-regoli ġew illaxkati biex jagħtu l-flessibbiltà lill-gvernijiet ħalli jkunu jistgħu jgħinu lis-settur privat f’dawn iċ-ċirkostanzi. 

Scicluna qal li daħlet ukoll fil-kwistjoni l-viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Margrethe Vestager, li ħabbret sett ta’ miżuri rigward l-istate aid biex meta jsiru applikazzjonijiet, il-gvernijiet ikunu aktar mixħutin li japprovawhom, aktar milli ma japprovawhomx. Semma kif b’riżultat ta’ dan, il-Gvern Malti ħejja pakkett, li għad irid jiġi mniedi, fejn il-Gvern se joffri miljuni kbar ta’ garanziji lill-banek biex bihom ikunu jistgħu jsellfu (għax ikollhom il-garanzija tal-Gvern) lil kull intrapriża li għandha bżonn. 

“Miżuri ta’ emerġenza, fejn xi fondi li ma ntefqux mill-pajjiżi fl-aħħar seba’ snin, ġie deċiż li jinqasmu bejn il-pajjiżi” 

Edward Scicluna

Madankollu, il-Ministru qal li bħala Kunsill issa jrid jaqbel dwar pakkett li vera jkun b’saħħtu. Stqarr li fuq il-mejda hemm erba’ pilasti b’saħħithom u kbar. L-ewwel tnejn huma li jintużaw banek jew istituzzjonijiet finanzjarji li huma b’saħħithom u kbar, li huma l-EIB u l-ESM. 

Il-European Investment Bank b’pakkett ta’ €25 biljun

Il-Ministru spjega li l-European Investment Bank (EIB) għalkemm hu bank Ewropew, hu ikbar mill-Bank Dinji u għandu assi li jaqbżu lil dawk ta’ kwalunkwe bank ieħor. Qal li dan il-bank, wara li għamel l-analiżi tiegħu, offra bħala parti mill-pakkett €25 biljun f’garanziji, li jwasslu għal self ta’ madwar €200 biljun mill-banek. Il-Ministru qal li fir-rigward kien hemm kontroversji dwar kif se jidhru dawn il-garanziji tal-Gvern, jekk jidhrux fuq il-kotba tal-pajjiżi u affarijiet oħra relatati. Madankollu, qal li l-kwistjonijiet ma kinux daqshekk kbar peress li dawn huma garanziji. 

Min-naħa l-oħra, il-Ministru spjega kif il-garanziji huma xi ħaġa serja għax jekk il-kumpaniji jfallu xorta, il-Gvern ikun irid jagħmel tajjeb għalihom għax il-banek ikunu jrid jsarrfu l-garanziji li jkunu taw. Stqarr li dan juri kemm mhux f’postu l-argument tal-Oppożizzjoni li qalet li l-Gvern ma ħariġx sold meta ta l-garanziji. Qal ukoll li meta tingħata garanzija, ikun hemm flus li ġew iffriżati proprju għalhekk u jekk ma tasalx biex tħallas lura jintużaw. Il-Ministru Scicluna qal li meta jkollok garanziji minn banke bħall-EIB, li hu daqstant b’saħħtu, tkun tista’ tagħti garanziji lil kumpaniji kbar. 

It-tieni pilastru li semma hu l-European Stability Mechanism li s’issa mhux bank. Il-Ministru qal li dan hu b’saħħtu wkoll u Malta għandha parti fih ukoll. Spjega li dan il-bank isellef lill-pajjiżi biex jieħdu bailout, fosthom lill-Irlanda, lill-Greċja, lil Spanja. Qal li l-futur tiegħu jista’ jkun li joffri bailouts lill-pajjiżi. Stqarr li minkejja li sal-lum ħadd ma kien joħlomha li jkun hemm bżonn bailout, issa l-affarijiet inbidlu u għalhekk waqt il-ħidma tal-Eurogroup ġie diskuss jekk dan għandux jinqaleb bħall-IMF u jiġi European Monetary Fund. Qal li b’hekk ikun bank u jkun jista’ jislef il-flus, mingħajr ma jkollu l-istigma tal-bailout. 

Scicluna qal li hawn bdew il-kontroversji, għax minn naħa kien hemm min ried jagħti linji ta’ kreditu, fosthom il-Ġermanja u anke Malta. Il-Ministru qal li fil-verità kulħadd jaqbel ma’ dawn il-linji ta’ kreditu, iżda min-naħa l-oħra hemm stigma u anke kundizzjonijiet ħarxa imposti fuq il-pajjiż fallut għax tkun taf li l-flus mintix se terġa’ tarahom. Spjega li dawn il-kundizzjonijiet ikunu tant iebsin li jindaħlu f’dak li jridu jagħmlu bħala riformi fl-ekonomija biex jerġgħu jirkupraw. Sostna li dan iwassal biex il-pajjiżi jagħmlu sagrifiċċji kbar, bħal jaqtgħu l-pensjonijiet, jipprivatizzaw il-kumpaniji u aktar minn hekk.

Il-Ministru qal li bħalissa kulħadd jixtieq jissellef. Qal li jekk tara s-sitwazzjoni ta’ Malta, kieku ma konniex b’saħħitna ma stajniex noħorġu €70 miljun u warajhom €40 miljun oħra f’xahar, filwaqt li għad iridu joħorġu skemi oħrajn li jkomplu jgħinu. Qal li l-pajjiż ma jistax jiflaħ li joqgħod joħroġ 1% tal-PDG fix-xahar. Sostna li qabel biex innaqqsu 0.5% tad-defiċit konna rridu sena u issa se jkollna nonfqu 1% fix-xahar. Għalhekk qal li hemm bżonn flejjes kbar. Madankollu staqsa jekk hemmx bżonn dawn il-kundizzjonijiet daqstant iebsin. Għalhekk, hu qal li hemm pajjiżi bħall-Italja li ma jridux dawn il-kundizzjonijiet, filwaqt li oħrajn bħan-Nordiċi, l-Olanda u oħrajn li għal kull sold li jagħtu jridu jorbtuk sew. 

Federalisti li jridu Eurobond jew Coronabond

Min-naħa l-oħra, il-Ministru Scicluna semma kif pajjiżi bħall-Italja, Franza u l-Federalisti jixtiequ li din is-solidarjetà tissarraf billi toħroġ Eurobond jew Coronabond. Qal li din toħroġ f’isem l-Ewropa, imma s-27 pajjiż jagħmlu tajjeb għal dejn mutwalizzat fejn kulħadd ikun responsabbli b’mod konġunt u jagħmel tajjeb bħala grupp. Spjega li dan ma ħaditx gost bih il-Ġermanja, li hi l-akbar pajjiż u l-aktar sinjur u li ħasset li kull min mhux se jkun kapaċi jagħmel tajjeb se jdur fuqha. Spjega li l-poplu Ġermaniż ħassu skomdu u kien tal-opinjoni li pajjiżi oħra fin-naħa t’isfel jonfqu l-flus qishom xejn mhu xejn u mbagħad iħallas għalihom min hu b’saħħtu. Minħabba f’hekk, il-Ministru qal li hemm dik li tissejjaħ moral hazard fejn il-Ġermanja ma jaslux biex jaqsmu. Qal li dawn jemmnu li kulħadd għandu jkollu l-istess saħħa u hemm imbagħad jagħmlu tajjeb għal xulxin. Rigward il-pożizzjoni ta’ Malta, il-Ministru qal li aħna naqblu mal-linji tal-kreditu, għax fl-aħħar mill-aħħar din il-kwistjoni jrid ikun hemm qbil dwarha fi żmien normali u mhux bħalissa fi żmien ta’ paniku. 

Il-Ministru qal li hemm wisq pajjiżi mdejnin bil-goff. Qal li l-Italja u l-Greċja għandhom djun kbar u minħabba l-mod kif laqtithom il-COVID-19 qed ikomplu jonfqu ħafna flus. Qal li kulħadd jibda jistaqsi jekk hux se jibda jagħmel tajjeb għal dawn il-pajjiżi. 

Strument ieħor ta’ self – SURE

Rigward il-Eurobond, il-Ministru qal li din lanqas mhi qiegħda fit-test li nkiteb, għalkemm sostna li hemm kliem ambigwu li jirreferi għat-tielet strument li hu x-SURE. Spjegalna li dan hu strument ieħor ta’ self li jasal anke sa €100 biljun u jsellef lil pajjiżi (anke lil Malta jekk irridu) biex ikomplu jagħmlu l-iskemi li minnhom jitħallsu l-pagi tan-nies, jew parti mill-pagi biex kemm jista’ jkun jibqgħu fuq il-kotba tal-kumpaniji jew inkella jgħinu lill-kumpaniji. Sostna li dan ma tantx hemm min iridu fi żmien normali għax hemm biża’ li min jidħol fih ma joħroġx. Għalhekk sostna li n-Nordiċi qed jitolbu biex ikun hemm sunset clause fejn il-ftehim japplika bil-liġi għal ċertu perjodu biss. Il-Ministru qal li bħalissa t-test jgħid li sakemm tgħaddi l-kriżi, iżda qal li xorta hemm min qed joħloq kwistjonijiet dwar jekk għandhiex tidħol din il-klawsola. 

“Bil-kliem kulħadd jgħid li rridu ninvestu, li l-Ewropa terġa’ tiġi b’saħħitha bħalma kienet qabel il-kriżijiet, Però minn fein se jiġu l-flus?”

Edward Scicluna

Fl-aħħarnett, il-Ministru qal li r-raba’ pilastru hu r-Recovery. Qal li bil-kliem kulħadd jgħid li rridu ninvestu, li l-Ewropa terġa’ tiġi b’saħħitha bħalma kienet qabel il-kriżijiet, li nikkompetu mal-Ażja u mal-Istati Uniti. Però, staqsa minn fejn se jiġu dawn il-flus meta hemm kwistjonijiet kbar dwar il-baġit tas-seba’ snin li ġejjin. Qal li kulħadd jaqbel, imma meta jistaqsu minn fejn ġejjin il-flus kulħadd idaħħal idejh fil-but u ma joħroġ xejn. 

Il-Ministru qal li żgur irid ikun hemm fond għall-irkupru. Semma kif issa ilu seba’ snin u xahar f’din il-kariga u hu l-iktar wieħed li ilu jservi fil-kariga tiegħu. Qal li għadda minn ħafna minn dawn il-laqgħat fejn anke l-laqgħat isiru f’ċerti ħinijiet biex dak li jkun jgħejja. Semma li llum il-laqgħa se ssir fil-5.00 p.m. wara li tkun għaddiet ġurnata xogħol. 

Madankollu, hu jemmen li se jkun hemm ftehim għax finalment barra qed nitkellmu fuq l-imwiet u l-frakass, fejn fl-ewwel kwart tas-sena l-PDG ta’ Franza naqas b’6%. Qal li kulħadd se jara diżastri ekonomiċi u jekk se joqogħdu jikkwistinjaw fuq il-kliem, allura se jagħtu eżempju ikrah. Qal li meta qal dan waqt il-laqgħa tal-Eurogroup, ħafna qablu miegħu u talbu biex kulħadd jirrealizza kemm hi serja l-kwistjoni li qed jiddiskutu. Il-Ministru spjega li dak li jiġri hu li hemm xi ministri li tkun ġejja xi elezzjoni u jkunu jridu jidhru li ma ċedewx man-nies tagħhom. 

Rigward it-test li ddiskutew, il-Ministru qal li dan ħadmu fuqu l-President tal-Kummissjoni u anke t-tim ta’ esperti tiegħu. Qal li hemm kompromess tajjeb u tista’ tinstab triq tan-nofs tajba. Saħaq li fl-interess ta’ pajjiżna, kif inhu t-test issa, hu lest li jaċċettah. Sostna wkoll li la hemm il-maġġoranza li jaqblu miegħu, se ssir pressjoni kbira fuq dawk li mhumiex jaqblu ħalli jċedu u jirbaħ is-sens komun.

Ekonomija

Sport