Friday, December 13, 2024

“Jekk taf xi Laburist li ma jridx jivvota… ipprova kkonvinċieh biex jagħżel lill-PN”

Aqra wkoll

Minn ġewwa l-lokalità ta’ Ħ’Attard, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-politika tagħhom hija politika ta’ veru, politika msawra madwar il-persuna, msawra madwar il-problemi li n-nies jgħaddu minnhom u msawra fuq l-aspirazzjonijiet tan-nies.

“Għalhekk dħalt għall-politika, għalhekk sħabi daħlu għall-politika… għax iridu jservu lilek. Iridu jgħinu lilek biex twettaq il-ħolm tiegħek. Il-pjan li għandna għall-pajjiż, ninsabu ħerqanin li nwettquh għax ninsabu ċerti li wara li kkonsultajna 10 snin sħaħ fhimna x’inhuma d-diffikultajiet u fuq kollox illum inħaddmu s-soluzzjonijiet għall-problemi li għandu l-pajjiż,” qal Grech.

“Hemm bżonn, li f’dan il-mument, nhar is-Sibt li ġej inti toħroġ tivvota u tagħżel par idejn sodi, tagħżel tmexxija serja u matura. Tagħżel tmexxija ffukata ta’ kif se noħolqu l-ġid, fuq kif se noħolqu 10 setturi ekonomiċi ġodda li permezz tagħhom se noħolqu eluf ta’ xogħol.”

“Tħallix iktar ġranet jgħaddu. Il-vot tiegħek huwa ċ-ċavetta, il-kundizzjoni li jonqos biex il-viżjoni li ppreparajna inkunu nistgħu nwettquha għalik,” qal Grech.

“Jekk taf lil xi ħadd li għadu qed jaħsibha, lil xi Laburist li ma jridx jivvota… ipprova kkonvinċieh biex jagħżel lill-PN.”

Ekonomija

Sport