Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kelli biss erba’ snin. Missieri ħadni għall-ewwel sessjonijiet ta’ taħriġ tiegħi, u minn hemm sibt l-isport li sar parti ċentrali minn ħajti. Hekk kif sirt akbar, l-entużjażmu tiegħi lejn il-futbol kompliet tikber. Kull staġun, stabbilixxejt għanijiet ġodda għalija nnifsi, naħdem biex intejjeb il-ħiliet tiegħi, il-fehim tal-logħba, u l-prestazzjoni ġenerali tiegħi. Din l-attitudni li nistabbilixxi l-għanijiet instillat fija dixxiplina u perseveranza halli ta kull stagun nipprova nilhaq l-objettivi li nkun stabbilixxejt. Wieħed mill-aktar mumenti importanti fil-vjaġġ tiegħi kien meta ġejt magħżul biex nirrappreżenta lit-tim nazzjonali sa’ taħt il-21 sena. Lil hinn mill-kisbiet personali, il-futbol tani esperjenzi soċjali hekk kif id-‘dressing room’ twasslek għall-formazzjoni ta’ ħbiberiji profondi. Li naqsmu r-rebħiet u t-telfiet, ngħaddu minn sessjonijiet ta’ taħriġ u naħdmu flimkien lejn għanijiet komuni tinholoq rabta unika.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Santa Lucia FC.
Din hija t-tieni darba li qiegħed nilgħab ma’ Santa Lucia FC, klabb ġej minn raħal żgħir iżda mmexxi minn nies b’qalb kbira li huma impenjati ħafna għas-suċċess tal-klabb. Li nkun imdawwar b’nies daqshekk dedikati dejjem halla impatt pożittiv fuq l-esperjenza tiegħi. Fil-bidu ta’ dan l-istaġun, bħala tim, ffaċċjajna diversi sfidi. Madankollu, permezz tal-għaqda fost il-plejers u l-appoġġ mill-istaff tekniku u l-kumitat, irnexxielna nsiru forza kolletiva. Din l-isforz kollettiv wassal għal bidla notevoli, b’sitt rebħiet konsekuttivi li tellgħu lilna fil kampjonat, u b’hekk kisbna post mistħoqq. Issa li ninsabu fil-parti l-aktar diffiċli tal-istaġun, huwa essenzjali li nibqgħu ppreparati għal kollox u nidħlu għal kull logħba determinati biex niksbu l ghanijiet taghna.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragward ewlieni tagħna għal dan l-istaġun huwa li nirbħu l-logħba li jmiss. Ovvjament, minkejja li kbirna bħala tim, hemm ħafna spazju għall-iżvilupp, u għalhekk l-għan tagħna għandu jkun li nibnu fuq kull logħba preċedenti biex nilħqu l-potenzjal tagħna. Tragward ieħor fundamentali huwa li nkunu konsistenti fil-wirjiet tagħna, għax il-konsistenza ġġib magħha r-riżultati mixtieqa. Dan kollu jikkontribwixxi biex nispiċċaw fost l-aqwa tmien timijiet tal-istaġun, fejn imbagħad ikollna l-pjattaforma biex nesponu lilna nfusna kemm individwalment kif ukoll bħala tim kontra l-aqwa avversarji.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Minkejja li l-futbol f’Malta kiber ħafna matul is-snin, għadna lura meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. L-introduzzjoni ta’ numru kbir ta’ plejers barranin għenet biex titjieb il-livell ġenerali tal-logħba. Madankollu, inħoss li huwa importanti li jkun hemm kwalità aktar milli kwantità, sabiex il-plejers Maltin ikollhom aktar opportunitajiet li jiżviluppaw u l-livell tagħhom jitjieb kontinwament. Jekk irridu nikbru bħala nazzjon tal-futbol, irridu ninvestu fi programmi u f’strateġiji fit-tul, billi nibdew mill-kowċis. Mingħajr pedament sod fil-kowċing, ikun diffiċli nipproduċu talent ta’ livell għoli.Huwa essenzjali li noħolqu aktar opportunitajiet biex il-plejers Maltin jilagħbu barra u jikkompetu f’kampjonati ta’ livell ogħla, għax din l-esperjenza tkun kruċjali biex ittejjeb l-iżvilupp tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar tgħin lit-tim nazzjonali. Biex nilħqu dan l-għan, irridu mhux biss noħolqu dawn l-opportunitajiet, imma wkoll nippreparaw lill-atleti tagħna kemm mentalment kif ukoll fiżikament għall-isfidi li ġġib magħha l-kompetizzjoni f’ambjenti aktar impenjattivi barra minn Malta.Ninsabu wkoll wiċċ imb wiċċ ma’ sfidi fl-infrastruttura. Ħafna faċilitajiet għadhom ma jilħqux l-istandards meħtieġa, u mingħajr kundizzjonijiet ta’ taħriġ adegwati, il-plejers isibuha diffiċli biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Barra minn hekk, nemmen personalment li f’pajjiż żgħir bħalma hu tagħna, hemm wisq klabbs. Dan ifisser li t-talenti jinfirxu wisq, u jagħmilha aktar diffiċli biex jinbnew skwadri b’saħħithom u kompetittivi.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titharrgu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fil-futbol Malti, wieħed mill-akbar sfidi li għadna niffaċċjaw huwa n-nuqqas ta’ grawnds ta’ kwalità għolja għat-taħriġ u l-logħob kompetittiv. Ħafna drabi, il-grawnds huma użati minn diversi klabbs fl-istess ħin, u dan jillimita l-ħin u l kundizzjonijiet tat-taħriġ.Barra minn hekk, il-manutenzjoni fil-grawnds hija importanti ħafna u kawża t’hekk l-artijiet ta’ ħafna pitches ma jkunux f’kundizzjoni tajba, u dan mhux biss jaffettwa l-logħba iżda wkoll iżid ir-riskju ta’ injuries għall-plejers. Jekk irridu li l-futbol Malti jkompli jtejjeb il-livell tiegħu, wieħed mill-passi l-aktar importanti hu li nirriformaw l-infrastruttura u noħolqu aktar postijiet ta’ taħriġ professjonali, fejn il-plejers ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.
Jekk tixtieq tibda tilgħab il-futbol, emmen fik innifsek u ftakar li kull plejer jibda mix-xejn, imma bix-xogħol iebes u d-dedikazzjoni tista’ tasal fejn trid. Il-futbol mhux biss dwar talent, imma wkoll dwar sforz u perseveranza. Fuq kollox, iddiverti ruħek u ħobb il-logħba, agħti l-aħjar tiegħek u gawdi kull mument fil-grawnd. Jekk taħdem, temmen u tibqa’ determinat, xejn ma jista’ jwaqqfek!