Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet sa minn eta’ żgħira waqt li kont qed nikber fil-pajjiż fejn kont qed ngħix, l-Awstralja. Grazzi għal missieri u n-nannu tiegħi li wkoll kienu jħobbu dan l-isport, jien trawwimt fl-aqwa ambjent possibbli. Huma kienu jieħduni wkoll fil-klabb Malti fl-Awstralja sabiex nara l-logħob u minn hemm iktar kompliet tissaħħaħ din l-imħabba.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek tal-kowċing f’Malta.
L-esperjenza tiegħi bħala kowċ f’Malta nista’ niddeskriviha bħala waħda eċitanti. Kien vjaġġ sabiħ u pożittiv fejn kull fejn mort ,dejjem ġarrejt miegħi esperjenzi sbieħ. Jien kelli f’idejja r-riedni ta’ wieħed mit-timijiet fl-akkademja ta’ Sliema Wanderers filwaqt li kont involut ukoll bħala kowċ fl-iskola tal-futbol taż-Żażu. Kelli wkoll esperjenzi ma’ Qormi u Luxol kif ukoll it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena. Kont ixxurtjat li ħdimt ma’ nies mill-aqwa u kelli s-sapport ta’ diversi nies li niddeskrivihom bħala fantastiċi. Ma nistax ninsa wkoll lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol li wkoll tatni ħafna fiduċja meta ħdimt fiċ-Ċentru Tekniku f’Ta’ Qali.
Kif iddeċidejt li tmur fl-Istati Uniti?
Din kienet opportunitá li jkolli esperjenza naħdem barra minn pajjiżi ma’ klabb verament professjonali. Wara li rnexxieli nġib l-liċenzja UEFA PRO, iddeċidejt li mmur naħdem barra minn xtutna. Hi wkoll esperjenza għall-familja tiegħi biex tgħix f’kultura u stil ta’ ħajja ġdid.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala direttur tekniku ta’ Albions Las Vegas fl-Istati Uniti.
Ir-rwol tiegħi bħala direttur tekniku hu wieħed li jġorr ħafna responsabbilta’ hekk kif fil-klabb tagħna għandna aktar minn 900 plejer kompetittiv flimkien ma’ 1400 plejer li għandhom status ta’ amateur. Dawn il-plejers ġejjin minn eta’ tenera ta’ sitt snin u jibqgħu telgħin sa 19-il sena. Mill-Under 13 sal-Under 19 għandna subien li jikkompetu fuq livell tal-MLS kif ukoll akkademja tal-bniet bil-plejers li kollha jilagħbu f’xi tip ta’ kampjonat madwar il-pajjiż. Jien responsabbli mill-affarijiet ta’ kuljum li għandhom x’jaqsmu mal-klabb u magħhom inżid ukoll il-finanzi u kull nefqa oħra li ssir. Xi kultant ikollna bżonn nibbukjaw kowċ professjonali biex jagħmel xi sessjonijiet ta’ taħriġ jew xi taħriġ tekniku. Hu xogħol li verament jogħġobni għax nara l-iżvilupp ta’ kowċis u plejers. Flimkien mar-rwol tiegħi fil-futbol Amerikan bħala coach educator, naħseb li ma nista’ nitlob xejn aktar. Fil-fatt jien ngħallem ukoll l-US Soccer A Youth Licence kif insejħulha hawnhekk.
Kemm hu differenti l-futbol fl-Istati Uniti kkomparat ma’ Malta?
L-ewwelnett il-logħba fl-Istati Uniti hi ferm veloċi u nasal biex ngħid fiżika wkoll. Għandna plejers li għandhom ħiliet kbar u naħseb li d-differenza maġġuri li nista’ nara hi l-mentalita’. Fil-fatt, it-tfal kollha jaħdmu qatigħ u ma jgergrux fuq ix-xogħol li jingħata.
Kif tarah il-futur tiegħek fl-Istati Uniti? Se nerġgħu narawk tikkowċja f’Malta?
Qed nara li l-futur tiegħi se jibqa’ fl-Istati Uniti għax inħobb ħafna x-xogħol tiegħi apparti li l-familja drat sew il-ħajja hawnhekk. Minkejja kollox, fil-futbol qatt ma taf x’jista’ jiġri għax l-affarijiet jistgħu jinbidlu malajr.
Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-ewwel u qabel kollox aħdem qatigħ u qatt taqta’ qalbek! Hemm ħafna sagrifiċċji involuti biex tasal fejn tixtieq iżda jekk tħobb dak li tkun qed tagħmel, kollox jissarraf f’riżultati li jfissru ħafna sodisfazzjon!