Wednesday, February 12, 2025

Jekk titfa’ d-dedikazzjoni u taħdem se tara r-riżultati kemm fl-ilma u anke barra minnu – Luke Hyzler

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Minn dejjem kont bniedem sportiv u kompetittiv. Kont nilgħab it-tenis, il-futbol u l-basketball qabel skoprejt il-waterpolo. Mindu tifel, kont inqatta’ s-sajf insegwi lis-Sliema, li kienu qed jagħmlu suċċess kbir dak iż-żmien. L-atmosfera inkredibbli tal-logħob ħajritni, u ta’ 11-il sena ddeċidejt li nipprova biex xi darba wkoll nagħmel suċċess u nikseb xi trofej. Kont inqatta’ s-sajf nilgħab fil-piċċ ta’ Tas-Sliema, nilgħab minn lasta għal lasta, li għeni biex inkompli nirfina l-kwalitajiet tiegħi. Irrealizzajt m-ll-ewwel li kelli potenzjal, anke minħabba li jien xellugi, li jagħtini vantaġġ f’dan l-isports.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Exiles SC.

Għalkemm għadni nibda, imma vera qed nieħu gost mal-Exiles u tal-opportunità biex nilgħab u ntejjeb lili nnifsi. Il-klabb wera fiduċja fija, u nixtieq nuri l-gratitudni tiegħi billi nagħti lura u nuri impenn sħiħ meta nitħarreġ u meta nilgħab. Il-kowċ u l-membri tat-tim jagħtuni sapport kbir, u dejjem jinkoraġġuni biex inkompli miexi ’l quddiem. Għandna tim b’saħħtu mimli b’etika, u nemmen li flimkien nistgħu niksbu s-suċċess. L-għan tiegħi hu li nkompli niżviluppa l-ħiliet tiegħi, nikkontribwixxi fejn nista’, u ngħin biex it-tim jikkompeti fl-ogħla livell.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-Kampjonat tas-Sajf li ġej?

L-għan prinċipali tagħna hu li nikkompetu f’livelli għolja u li niżguraw post fil-Premier Division, li lkoll nafu ser tkun sfida iebsa. Iżda jiena nemmen li jekk ikollna ħarsitna biex naħdmu u spirtu ta’ tim, nistgħu niksbu dan l-għan. Matul ħajti, dejjem naf lil Exiles fil-Premier Division, u nittama li nikkontribwixxi kif nista’ biex il-klabb jerġa’ jirritorna f’dak il-livell.

Għandna tim b’saħħtu, kowċ u staff dedikat u atmosfera sabiħa fost it-tim, li jkomplu jagħtuna l-kunfidenza f’dan l-istaġun. Jekk ma niksbux il-promozzjoni l-objettiv li jmiss ikun li nirbħu l-ewwel diviżjoni u wkoll il-kompetizzjoni Knockout. Akkost ta’ kollox, irridu nikkompetu fl-ogħla livell, inkomplu nitjiebu u nagħmlu lill-klabb kburi.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo lokali fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-waterpolo tjieb drastikament, u kull tim qed ikollu plejers fenomenali. Nemmen li dan il-progress huwa minħabba l-introduzzjoni ta’ kowċis barranin minn età żgħira, li jġibu tekniċi ġodda, u wkoll approċċ professjonali fit-taħriġ. Apparti minn hekk il-klabbs urew ukoll dedikazzjoni akbar lejn il-plejers, qed jipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ lill-plejers u wkoll biex jikkompetu barra.

Fattur important ieħor hu d-dedikazzjoni tal-plejers. Iktar atleti qed jikkommettu ruħhom fl-isport, jagħtu prijorità lill-iżvilupp u jevitaw kull ħaġa li tista’ ttellef, u dan iwassal għal aktar ambjent professjonali u kompetittiv. Il-logħba saret ukoll aktar mgħaġġla u titlob aktar fiżika bil-plejers jiffukaw aktar fuq is-saħħa u huma aktar konxji tat-tattiċi aktar minn qabel.

Il-preżenza ta’ plejers barranin ukoll tilgħab rwol important biex tgħolli l-livell tal-kompetizzjoni. L-esperjenza, l-abbiltà, u l-professjonaliżmu jġibu dinamika ġdida fil-logħba, u tgħin lil plejers lokali jitjiebu u jadattaw għal standard għoli. Li tikkompeti ma’ plejers hekk jgħin lill-atleti żgħar biex jikbru u jagħmel il-lig aktar eċitanti u mimli sifda.

Programmi aktar strutturati kienu ċ-ċavetta biex niżviluppaw it-talenti, filwaqt li avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija tal-isports – bħal analiżi ta’ filmati, programmi speċjalizzati ta’ ġimms, u tekniċi ta’ rikupru għenu biex il-plejers jilħqu livelli ġodda.

U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

L-introduzzjoni ta’ pixxini interni kienu ta’ vantaġġ għall-waterpolo f’Malta. Fil-passat, b’mod speċjali fix-xitwa, ħafna mis-sessjonijiet ta’ taħriġ kienu jiġu kkanċellati minħabba l-maltemp bħal sajjetti u ragħad. Mhux biss għax jiġi kkanċellat it-taħriġ imma għax ukoll xi plejers kienu jimirdu minħabba l-kesħa. Li jkollna aċċess għall-pixxini interni jeliminaw dawn il-problemi, u jħallu lill-klabb iżommu l-konsistenza tagħhom fit-taħriġ mingħajr biża’ li jista’ jitħassar minħabba l-maltemp.

Il-pixxini interni joffru wkoll flessibiltà biex tippjana, għax it-taħriġ jista’ jsir aktar kmieni jew f’aktar ħinijiet konvenjenti. Dan għamel differenza kbira biex il-plejers iżommu rutina bil-preparamenti u jtejbu lilhom infushom filwaqt li jibbilanċjaw bejn ix-xogħol u l-ħajja soċjali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo? Għad narawk bħala kowċ ’il quddiem?

Nittama li nkompli nilgħab għal aktar snin oħra, u qed niffoka biex nibqa’ tajjeb sa dak iż-żmien.

Għadni ma ddeċidejtx x’nista’ nagħmel fil-futur, imma l-kowċing żgur li huwa possibiltà. Minn dejjem kelli passjoni biex inħarreġ lill-oħrajn u ngħinhom jitjiebu, u l-idea li ngħaddi t-tagħrif u l-esperjenza tiegħi lill-atleti futuri teċitani. Il-kowċing jagħtini l-opportunità biex inkabbar dan l-isport u biex aktar nies jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Trid tisma’ mill-kowċ, tkun fil-ħin, u tkun lest li tiddedika lilek innifsek b’mod sħiħ lejn l-isports. Il-waterpolo huwa logħba f’tim allura li titgħallem tilgħab f’tim huwa essenzjali. Mhux dejjem ser ikun faċli, imma trid tiftakar li l-isfidi huma parti mill-proċess – trid tibqa’ reżiljenti, u tikber minn dawn l-esperjenzi. Is-suċċess ikun jixraq iżda important li tieħu gost matul din l-avventura u wkoll l-akkwisti matulha.

Ibqa’ ffukat, agħmel bilanċ bejn it-taħriġ u aspetti oħra fil-ħajja, filwaqt li ma tridx tinsa tieħu gost. Ibqa’ tgħallem u ġġieled biex tkun aħjar. Jekk titfa’ d-dedikazzjoni u taħdem, se tara r-riżultati kemm fl-ilma u anke barra minnu!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport