Sunday, December 22, 2024

Jgħix l-avventura u jirbaħha

Aqra wkoll

Lukas Farrugia għadu kemm rebaħ is-16-il edizzjoni tar-reality show bl-isem ta’ Liquorish. Lukas, li huwa Għawdxi u għandu 19-il sena, rebaħ din l-edizzjoni b’numru sabiħ ta’ 39,727 vot. Fit-tieni post spiċċa Steve li kiseb 33,470 vot filwaqt li l-Ħaxwex ġab 24,447 vot u b’hekk spiċċa fit-tielet post. 

Lukas Farrugia jaħdem fil-filugranu flimkien ma’ ħuh u missieru u ilu tliet snin jagħmel dan ix-xogħol. Jidher li l-karattru uniku tiegħu niżel għasel mat-telespettaturi ta’ dan il-programm u mhux ta’ b’xejn li rebaħ din il-kompetizzjoni. Hawn min kien ukoll tal-opinjoni li l-fatt li kien Għawdxi seta’ għenu fil-voti minħabba li din il-gżira ġara ta’ Malta setgħu tat l-appoġġ kollu lil Lukas.

Aħna kellimna lil dan iż-żagħżugħ Għawdxi sabiex jgħidilna aktar dwar din l-esperjenza unika li kellu fi Rwanda.

Saqsejna lil Lukas kif tħajjar jipparteċipa f’Liquorish u hu wieġeb li dan kollu seħħ b’kumbinazzjoni.

“Bħal dejjem kont qed insegwi wieħed mill-episodji fuq it-televixin fuq is-sufan mal-familja tiegħi u bejni u bejn ruħi għedt, tgħid napplika? Ma ħsibthiex darbtejn u applikajt.”

Lukas jgħid li t-tim tal-produzzjoni bagħtu għalih għall-prova għalkemm xorta waħda kien għadu bejn ħalltejn jaċċettax din l-isfida jew le.

“Niftakar li kont ma’ sieħbi u jien bdejt nara jaqbillix nagħmel din l-avventura jew le. Fl-aħħar mill-aħħar aċċettajt u spiċċajt parti minn grupp ta’ nies verament tal-ġenn li bħali kienu qed jagħmlu din l-avventura.”

U kif qed insemmu l-grupp, Lukas ikkonferma li hu ħassu ferm komdu mal-parteċipanti kollha għalkemm ammetta li l-iktar wieħed li qabel ħafna miegħu kien il-Ħaxwex.

“Tista’ tgħid li kelli relazzjoni tajba ma’ kulħadd iżda nammetti li l-karattru ħelu tal-Ħaxwex laqatni mal-ewwel.”

Hu jammetti li ma ddispjaċihx li għamel dan il-pass minħabba li kellu esperjenzi uniċi li qatt m’għadda minnhom f’ħajtu.

Saqsejnieh jekk kienx ta’ vantaġġ għalih il-fatt li hu Għawdxi u li għalhekk l-Għawdxin ivvutaw lilu. Lukas qal li mhux il-każ minħabba li ma tantx kienet se tagħmel differenza kbira.

Lukas Farrugia kien ukoll l-iżgħar parteċipant f’Liquorish. Kif esperjenzah dan il-fatt?

“Fil-verita’ jien drajt inkun fi gruppi fejn jien inkun l-iżgħar wieħed. U hawn ma kinitx eċċezzjoni u għalhekk ħassejtni komdu ħafna ma’ oħrajn ikbar minni.”

Waħda mill-isfidi li jridu jagħmlu l-parteċipanti hi proprju dik li jieklu l-insetti. Lukas qal li din ma kinitx xi ħaġa tas-soltu għalih għalkemm ħassu normali jagħmel din il-ħaġa. Minkejja kollox, kien hemm mumenti fejn kellu jesperjenza l-ġuħ u din ma kinitx sensazzjoni daqshekk faċli. 

Saqsejnieh dwar kif ħassu fl-esperjenza fi Rwanda meta tikkumparaha ma’ dik li s-soltu jkollu fil-gżejjer Maltin.

“Fi Rwanda, in-nies huma ferrieħa, kważi kważi jikkuntentaw ruħhom b’kollox anke għax ftit għandhom flus. Huma nies nodfa u jkellmuk b’mod normali. Biex ngħidlek il-verita’ jien apprezzajt ħafna din it-tip ta’ ħajja għax xi kultant f’Malta ninsew ħafna valuri tal-ħajja ġaladarba nkun komdi.”

Lukas jikkonferma li kieku jerġa’ jkollu ċ-ċans, jixtieq jerġa’ jipparteċipa f’Liquorish. Madankollu qal li għalissa jrid jagħti ċans lil ħaddieħor għax hekk sewwa u xieraq.

It-tim tal-produzzjoni ta’ dan il-programm kien ta’ għajnuna kbira għal Lukas u l-grupp kollu.

“It-tim tal-produzzjoni dejjem ra li ma jkun jonqosna xejn u dan kollu għen sabiex b’eċċezzjoni ta’ xi intopp ‘l hemm u ‘l hawn, kollox jimxi kif suppost.”

Innutajna kemm Lukas hu bniedem ta’ ftit kliem għalkemm dak li ttih jagħmlu bl-aħjar mod possibbli.

“Dan hu l-karattru tiegħi! Aħjar kelma nieqsa milli waħda żejda! Dejjem hekk imxejt tul ħajti kollha u ma jiddispjaċinix li jien hekk.”

Tkellimna ma’ Lukas dwar ix-xogħol tiegħu fil-qasam tal-filugranu. Hu kkonfermalna li f’Għawdex hi biss il-familja tiegħu li jagħmlu dan ix-xogħol iġifieri hu, ħuh u missieru. Dan it-talent setgħu jesperjenzawh ukoll il-parteċipanti li talbuh ukoll pjaċir żgħir.

“Dak konna hemmhekk fi Rwanda u talbuni sabiex nagħmlilhom ġiżirana. Jien ma ħsibthiex darbtejn għax dan hu parti minn xogħli u nagħmlu bil-qalb!”

Fl-aħħarnett, Lukas ried jgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li forsi neqsin mill-kuraġġ iżda jixtiequ jagħmlu din l-avventura.

“Jien ngħidilhom sabiex jagħmlu kuraġġ u ma jaqtgħu qalbhom qatt. Jekk ikollhom id-determinazzjoni, xejn m’hu impossibbli.”

Ċertament li d-determinazzjoni ta’ Lukas kienet kruċjali sabiex jasal għal dan ir-riżultat finali. Bniedem li jaħdem fi skiet mingħajr ħafna daqq ta’ trombi u li jasal fejn jixtieq grazzi għall-karattru uniku li għandu. Fuq kollox wieħed ma jistax ma jsemmix l-umilta’ ta’ dan iż-żagħżugħ li jiġi rifless anke fix-xogħol tiegħu li jagħmlu tant għal qalbu.

Dawn kienu l-elementi li ġibdu lit-telespettaturi numerużi ta’ Liquorish sabiex jivvutawlu u eventwalment joħroġ rebbieħ.

Lukas Farrugia sar is-16-il rebbieħ ta’ dan il-programm li ilu jixxandar għal bosta snin. Sadanittant il-preżentatriċi Andrea Cassar ħabbret li Aneliese hija l-ewwel parteċipanta għall-edizzjoni tas-sena d-dieħla ta’ dan ir-reality show. 

Ekonomija

Sport